Awdjo: Jasal l-inkwadru tal-Madonna ta’ Pompei f’Malta

Fl-okkażjoni tal-50 sena Anniversarju minn mindu beda jsir l-pelegrinaġġ tal-Madonna ta’ Pomepi f’Marsaxlokk, għada s-Sibt, ser jasal Malta l-kwadru tal-Madonna ta’ Pompei.

Ta’ kull sena, fit-13 ta’ Novembru, fis-Santwarju ta’ Pompei, dan il-kwadru jitniżżel minn postu biex il-pellegrini jagħtuh qima billi jbusu din ix-xbieha qaddisa ta’ Marija. Dan l-inkwadru ġie nkurunat mill-Papa Pawlu VI fil-Bażilika ta’ San Pietru, l-Vatikan, fit-23 ta’ April 1965. Fis-sena 2002, il-kwadru reġa ttieħed fi Pjazza San Pietru fuq talba tal-Beatu Ġwanni Pawlu II. Jingħad li huma ħafna dawk li qalgħu grazzji kbar meta talbu quddiem din ix-xbieha.

F’kummenti ma newsbook, Dun Mario Mangion, Kappillan ta’ Marsaxlokk, qal illi hemm stennija għal dan l-inkwadru u Xlukkajri kienu ilhom jistennew din l-okkażjoni. Hu kompla li dan l-inkwadru se jżur diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex biex apparti li jingħata qima, n-nies jiġu mħeġġa jgħidu t-talba tar-Rużarju.

L-attivitajiet se jinkludu, Quddiesa mmexxija mill-Isqof Mario Grech fis-Santwarju ta’ Pinu, żjarat f’diversi parroċċi nkluż fir-residenza San Vinċenz de Paule, purċissjoni fil-Belt Valletta, pellegrinaġġ ġewwa Marsaxlokk, Quddiesa bil-preżentazzjoni tat-trabi mmexxija min-Nunzju Appostoliku, Mons. Aldo Cavalli, u Quddiesa f’għeluq il-Missjoni Marjana mmexxija mill-Isqof Awżiljarju, Mons. Charles J. Scicluna.