Awdjo: Jaqblu li min jikkritika mhux traditur

Il-Professur Kenneth Wain, l-opinjonista u lekċerer fl-Università ta’ Malta Dr Simon Mercieca kif ukoll l-ekskandidat tal-Partit Laburista Jean Claude Micallef qablu li mhux ġust li xi ħadd jiddeskrivi lill-MEPs Nazzjonalisti bħala tradituri, għax il-kritika mhix tradiment.
L-opinjonijiet ta’ dawn it-tliet kelliema hija bil-maqlub tal-opinjoni tal-Eks Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Tony Zarb, li qal li l-MEPs Nazzjonalisti qed jittradixxu lill-pajjiż u li ħaqqhom laqgħa ta’ tradituri. Il-kummenti tiegħu instigaw kummenti oħra fuq il-mezzi soċjali, fost l-oħrajn li l-MEPs jintlaqgħu l-ajruport bl-issuttar tal-bajd u t-tadam.
Lanqas il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jaqbel ma’ Zarb. Fil-jiem li għaddew qal li ma jaqbilx li David Casa u Roberta Metsola, l-MEPs Nazzjonalisti li kkritikaw lill-Gvern, huma tradituri.
Waqt il-programm Follow Up fuq RTK, it-tliet kelliema ddiskutew il-lingwaġġ ta’ mibegħda kif ukoll id-dehra tal-Prim Ministru Joseph Muscat quddiem il-Parlament Ewropew waqt is-seduta dwar il-Panama Papers u kemm fid-dawl ta’ dan Malta tirrispetta l-liġijiet (rule of law).
“L-MEPs Maltin ma jistgħux jitqiesu tradituri” – Prof. Wain
Prof. Kenneth Wain qal li l-kelma tradiment hija kelma iebsa żżejjed u akkuża serja, li m’għandhiex tintuża u li f’diversi pajjiżi ġġorr piena kapitali.
Saħaq li d-diskorsi tal-MEPs Maltin ma jistgħux jitqiesu ta’ tradiment, għax tradiment irid isir b’mod liberu kontra l-għadu jew il-pajjiż. Spjega li dan żgur ma kienx l-aġir tal-MEPs Maltin.
Prof. Wain saħaq li dawn għandhom dritt li jesprimu l-opinjoni tagħhom b’mod liberu.
Stqarr li hemm min ifixkel l-interess tal-Gvern u l-interess nazzjonali. Irrimarka li għandha ssir distinzjoni fundamentali bejn dawn it-tnejn.
Fisser kif kritika lejn il-Gvern tista’ tkun fl-interess nazzjonali. Ta eżempju ta’ każ li seħħ fl-Ingilterra fejn inkixfu dokumenti sigrieti li juru li l-Gvern kien gideb lill-poplu dwar ajruplan tal-gwerra.
“Biex kritika tkun tradiment, trid tintuża biex tweġġa’” – Jean Claude Micallef
Min-naħa tiegħu Jean Claude Micallef qal li għalkemm il-Parlament Ewropew huwa tal-Maltin, il-Maltin għandhom jiġbdu lejn l-interess tal-Maltin.
Saħaq li meta wieħed jikkritika ma jfissirx li qed jittradixxi u juri nuqqas ta’ appoġġ għal Malta u għall-Prim Ministru. Żied jgħid li biex kritika tkun tradiment trid tintuża biex tweġġa’ lil xi ħadd jew lil Malta.
Micallef sostna li wieħed irid jevita li jattakka persuni, għax l-argument jispiċċa ppreġudikat, u l-persuni jispiċċaw is-suġġett tiegħu.
 “Tony Zarb jagħti x’jifhem li Malta għandha titlaq mill-UE” – Simon Mercieca
Simon Mercieca qal li meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew sar tal-Maltin u għalhekk wieħed jista’ jgħaddi kritika fih.
Għaldaqstant huwa saħaq li jekk Zarb ħassu ttradut għax David Casa u Roberta Metsola tkellmu fil-Parlament Ewropew, li fi kliemu huwa tal-Maltin, għal Zahra Malta għandha titlaq mill-Unjoni Ewropea.
Newsbook.com.mt prova jagħmel kuntatt ukoll mal-Ewroparlamentari Laburista Miriam Dalli u l-opinjonista Godfrey Pirotta. Madankollu ma kinux f’pożizzjoni li jwieġbu għad-domanda ta’ Newsbook.com.mt