Awdjo: Iz-zokkor u l-kaffeina fl-energy drinks ifissru stress żejjed fuq il-qalb

L-użu eċċessiv ta' energy drinks jista' jkollu effetti gravi fuq is-saħħa tal-bniedem b'bosta studji juru li l-pressjoni fid-demm tista' tiżdied b'medja ta' madwar 6%.
Dan l-aħħar b'mod globali saru iżjed studji dwar l-effetti ta' dan it-tip ta' xorb wara li fl-Amerka, tfajla ta' 14-il sena mietet wara li kkunsmat żewġ bottijiet ta' din ix-xarba.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar l-effetti minn abbuż ta' xorb eċċessiv u l-effetti fuq il-moħħ u l-ġisem, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, it-tabib John Cachia saħaq li bħal kull ħaġa oħra, l-iktar importanti f'dan ir-rigward huwa l-moderazzjoni.
Spjega kif il-kaffeina u z-zokkor iżżid ir-ritmu li bih tħabbat il-qalb u meta wieħed jikkonsma iktar minn bott jew flixun wieħed ta' energy drink ikun qed jitfa' stress żejjed fuq il-qalb.
S'issa f'Malta ma kien hawn l-ebda każ ta' abbuż eċċessiv minn dan it-tip ta' xorb, madankollu t-tabib Cachia saħaq fuq l-importanza li wieħed ikun infurmat bl-effetti li dan l-abbuż ikollu fuq is-saħħa tal-bniedem.
L-agħar effetti tal-użu tal-energy drinks jistgħu ikunu ta' ħsara fil-moħħ b'mod partikolari meta dan ix-xorb jitħallat mal-alkoħol.
Saħaq ukoll li għall-kuntrarju ta' dak li normalment huwa rriklamat għalih, dan ix-xorb huwa ħażin immens meta kkunsmat qabel jew wara attività sportiva jew fiżika.
Dan għaliex il-qalb diġa tkun qed tħabbat b'ritmu mgħaġġel bl-attività fiżika nnifisha, u l-energy drinks jimmultiplikaw ir-rata ta' taħbit tal-qalb.