Awdjo: Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja setgħet kienet aktar?

Il-mekkaniżmu li bih titkejjel kemm għandha tkun iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, huwa mifthiem mal-MCESD. Il-Gvern seta’ neħħa l-impatt tal-enerġija biex joħroġ ir-riżultat veru taż-żieda fl-għoli tal-ħajja.
Dawn kienu ż-żewġ opinjonijiet, tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Tonio Fenech waqt il-programm Hadit il-Ħadd fuq RTK li ddiskuta l-Baġit li tressaq quddiem il-Parlament it-Tnejn li għadda.
Il-Professur Scicluna saħaq li qabel l-1990 kien il-Gvern li jiddeċiedi kemm għandha tkun iż-żieda għall-għoli tal-ħajja u għalhekk kemm għandha tkun il-paga minima. Żied li llum hemm mekkaniżmu li jiddetermina dan.
Dwar iż-żieda ta’ 58 ċenteżmu, il-Ministru tal-Finanzi spjega li din kienet riżultat ta’ kemm l-inflazzjoni hija baxxa. Mistoqsi jekk setgħax jiddeċiedi li jżied dan il-kumpens, Sciculna qal li kien ikun qed ikisser il-mekkaniżmu u jkun qed jirfes fuq l-irjus tal-unjins u min iħaddem.
B’risposta, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li mhux veru li l-ħajja m’għolitx għax fi kliemu l-affarijiet ta’ kuljum għolew.
Spjega li l-mekkaniżmu jikkunsidra wkoll il-prezzijiet tal-enerġija u għalhekk minħabba r-roħs fil-kontijiet tad-dawl, il-mekkaniżmu niżżel ukoll kemm għoltiet il-ħajja.
Saħaq li hekk in-nies baqgħu fejn kienu għax filwaqt li l-Gvern raħħas il-kontijiet, ħa miż-żieda tal-għoli tal-ħajja.
Tonio Fenech qal li l-Gvern seta’ neħħa l-impatt tal-enerġija fuq l-għoli tal-ħajja biex hekk il-medja kienet tkun ta’ €3.84. Żied li filwaqt li jagħti l-58 ċenteżmu, il-Gvern seta’ jikkompensa mod ieħor għal dak li jkun fadal.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi baqa' jinsisti li dan ma setgħax iseħħ għax il-mekkaniżmu huwa mifthiem. 
Il-programm Ħadit il-Ħadd jixxandar kull nhar ta' Ħadd fuq RTK ippreżentat minn Charles Xuereb.