Awdjo: “Iż-żieda fil-paga minima mhix se tħalli effett” – Charles Miceli

Hekk kif il-Gvern ħabbar li ntlaħaq ftehim bejn l-imsieħba soċjalli, biex din is-sena l-paga minima tiżdied bi €3 fil-ġimgħa u biex tiżdied bi €8 sal-2019, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Charles Miceli, l-attivist kontra l-faqar u esponent tal-Kampanja Paga Minima Diċenti (KPMD), li rrimarka li aktarx diż-żieda mhix se tħalli effett sostanzjali fil-ħajja tal-persuni b’din il-paga, meta wieħed iqis il-prezzijiet tal-affarijiet bażiċi.
Minkejja dan, iħossu sodisfatt li l-paga minima se tiżdied u li nħoloq mekkaniżmu li se jirrevedi l-paga minima minn żmien għal żmien.
B’referenza għar-reazzjoni tal-Mexxej tal-Partit Demokratiku, Marlene Farrugia, dwar dak li tħabbar mill-Gvern, Miceli rrimarka li l-Gvern qatt ma kien marbut li jimxi ma’ dak li ppropona l-KPMD.
Temm jgħid li l-KPMD se tkompli taħdem biex tiggarantixxi ħajja diċenti sostnuta minn paga diċenti.
“Il-partiti politiċi jużaw il-foqra bħala ballun politiku”
Dwar dak li ħabbar il-Gvern il-ġimgħa li għaddiet, li d-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali u l-faqar f’Malta naqsu bin-nofs, Charles Miceli stqarr li mal-ewwel daqqa t’għajn tidher aħbar tajba. Madanakollu iddeskrivieha bħala aħbar xotta u li wieħed ma jistax janalizza min huma dawn in-nies.
Miceli stqarr li meta Malta tkun f’nofs kontroversja, toħroġ aħbar bħal din biex tiddevja l-attenzjoni. Saħaq li b’dan il-mod il-partiti politiċi qed jużaw il-foqra bħala ballun politiku.
Irrimarka li l-faqar għandu jkun diskuss lil hinn mill-partiġġjaniżmu u meta l-klima politika tkun aktar kalma.
Fl-istess waqt semma kif is-sistemi introdotti tat-tapering u ċ-child care għenu sabiex aktar nies joħorġu jaħdmu u ma jibqgħux jistrieħu fuq il-benefiċċji soċjali.
Minkejja dan, l-attivist spjega li hemm diversi metodi ta’ kif wieħed ikejjel il-faqar, għax filwaqt li d-dħul tal-persuna jaf ikun żdied, il-kirjiet u l-ispejjeż tal-ħajja qed jogħlew.
“Inkomplu naħdmu, anke b’persuna waħda fil-faqar”
Filwaqt li rrikonoxxa li minn 39,000 persuna, il-persuni li jinsabu f’faqar assolut niżlu għal 19,000, Charles Miceli saħaq li jekk ikun hemm persuna waħda fil-faqar jinkwieta xorta.
Sostna li “rridu nibqgħu naħdmu biex kulħadd ikollu ħajja diċenti”.
Miceli spjega li d-19,000 persuna huma tfal u anzjani li ħadmu tul ħajjithom kollha u mhumiex nies għażżenin li qed jipprovaw iqarrqu mill-benefiċċji soċjali.
“Bix-xogħol, imma l-paga ma tkunx biżżejjed”
Żied jgħid li d-djar bħal Dar Papa Franġisku, Suret il-Bniedem u YMCA jinsabu mimlijin għax minkejja li r-residenti jkunu sabu xogħol, ma jkollhomx paga biżżejjed li tlaħħaq mal-kirjiet u mal-ħajja ta’ kuljum.
Fil-jiem li għaddew, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li mhux aċċettabbli li fadal 19,000 persuna fil-faqar. Fl-istess ħin fakkar kif permezz ta’ diversi deċiżjonijiet li ħa l-Gvern, mill-2013 ‘l hawn, il-faqar naqas b’20,000 ruħ.