Awdjo: Iż-żgħażagħ jistgħu jkunu l-pont bejn il-fidi u l-politika

Għal xi wħud, ir-rabta bejn il-fidi u l-politika tinstema' stramba, iżda din kienet it-tema ta’ seminar li għalih attendew grupp ta’ madwar 40 żagħżugħ u żagħżugħa minn madwar l-Ewropa kollha, inluż seba' żgħażagħ minn Malta.
Maria Mifsud li attendiet għas-seminar organizzat mill-Ġiżwiti f’Venezja qalet ma' Newsbook.com.mt li permezz tal-fidi, persuna tkun qed tagħti servizz lis-soċjetà.
Maria spjegat li l-parteċipanti kienu kollha Kattoliċi u ġejjin minn oqsma differenti tal-ħajja. Qablu li huma stess jistgħu jkunu pont bejn il-fidi u l-politika.
Kompliet tgħid li persuna tista’ ma tkunx involuta fil-politika iżda bl-eżempju tagħha tkun qed tgħin ukoll lil min ma jemminx, jew min ikun ġej minn partit politiku differenti.
Mistoqsija minn Newsbook.com.mt dwar x’kienu l-affarijiet l-oħra li qamu waqt id-diskussjoni, Maria qalet li l-persuna jkollha d-dinjità tagħha hija xi ħaġa li tmiss kwalunkwe persuni ġejjin minn reliġjonijiet differenti.
Fost il-pajjiżi Ewropej kien hemm ukoll mill-Belġju, mill-Kroazja, minn Franza, mill-Ġermanja, mill-Irlanda, mill-Italja, mill-Litwanja, minn Spanja u mill-Ingilterra. L-iżgħar parteċipant kien Malti ta' 19-il sena.
Għas-seminar attendew ukoll kelliema differenti fosthom l-eks Prim Ministru tal-Polonja Hanna Suchocka li tkellmet dwar kif ħaddnet il-fidi tagħha u fl-istess ħin mexxiet il-pajjiż.
Din kienet il-ħames darba li sar dan is-seminar, li l-għan tiegħu hu li jgħin liż-żgħażagħ ikunu aktar involuti fis-servizz pubbliku u li jaħdmu għall-ġid komuni.