Awdjo: “Ivvutajt skont il-kuxjenza u għalhekk kont Nisrani qabel Nazzjonalist” – BFA

Il-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li huwa jħoss li fil-mod kif ivvota fil-Liġi dwar iż-Żwieġ nhar l-Erbgħa li għadda, huwa ivvota skont il-kuxjenza imdawwla mill-valuri insara li jemmen fihom. 
Ma' Newsbook.com.mt, Beppe Fenech Adami qal li ghalhekk meta ivvota kien l-ewwel Nisrani imbagħad Nazzjonalist.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li fil-Liġi dwar iż-Żwieġ jemmen li kien importanti li kull membru parlamentari jivvota skont il-kuxjenza tiegħu.
Qal li kif spjega fil-Parlament, din hija materja dwar l-imħabba u saħaq li kull Nisrani għandu jkollu l-valur tat-tolleranza.
Qal li ma kienx Nazzjonalist qabel Nisrani, iżda qal li dejjem żamm il-valuri li jħaddan meta vvota favur din il-liġi.
Qal li bħala membru fil-Parlament, iħoss li jrid ikun Nisrani l-ewwel, iżda qed jilleġiżla għall-ġid komuni fejn mhux kulħadd huwa neċessarjament Nisrani.
Meta mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar il-fatt li l-membri parlamentari Nazzjonalisti ma ngħatawx vot ħieles f’din il-votazzjoni, Beppe Fenech Adami qal li s-sitwazzjoni kienet ftit partikolari minħabba li din kienet wiegħda elettorali taż-żewġ partiti ewlenin.
Sostna li ma jaqbilx ma’ min jgħid li l-PN rema xi valuri permezz tal-pożizzjoni li ħa favur il-Liġi taż-Żwieġ li ttieħed fil-Parlament nhar l-Erbgħa li għadda.
Temm jgħid li l-PN għandu jibqa’ jiddistingwi ruħu mill-Partit Laburista permezz tal-valuri li jħaddan.