Awdjo: It-tiratur Nathan Lee Xuereb jerbaħ midalja tad-deheb għal Malta

Waqt il-Kampjonat Ewropew tal-Isparar li qed isir fil-Ġermanja, t-tiratur Malti Nathan Lee Xuereb irnexxilu jerbaħ il-midalja tad-deheb fil-logħob tad-Double Trap għall-atleti żgħar.

Xuereb spara fuq total ta’ 29 minn 30 plattina fl-ewwel round u 30/30 fit-tieni. Huwa kompla tajjeb biex kkwalifika fis-semi finali wara li spara fuq total ta’ 141 plattina minn 150 fil-ħames round.

Fis-Semi Finali Nathan Lee Xuereb spara fuq 29/30 biex għadda għall-finali mar-Russu Fokeev Kirill fejn it-tnejn li huma laqtu 27/30 plattina. Kien għalhekk li kellhom isiru l-aħħar ftit sparaturi biex ikun determinat ir-rebbieħ. Kien hawn li Xuereb spara fuq total ta’ 8 plattini minn 8 biex rebaħ il-midalja tad-deheb.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Edwin Vella mill-Malta Shooting Sport Federation (MSSF) li wera s-sodisfazzjon tiegħu għal dan ir-riżultat. Huwa spjega kif din hija t-tieni darba li żagħżugħ Malti rebaħ dan il-kampjonat hekk kif lura fl-2004 dan l-unur kien rebħu it-tiratur Malti William Chetcuti.

Vella tkellem dwar is-suċċessi li l-atleti Maltin u l-Federazzjoni rnexxilhom iġibu fl-aħħar xhur. Huwa fakkar li xahrejn ilu, William Chetcuti rebbaħ lil Malta l-ewwel midalja tad-deheb għall-isparar fil-Logħob tal-Mediterran li saru f’Mersin fit-Turkija. Huwa spjega kif dawn is-suċċessi huma riżultat tas-sistema professjonali li l-Federazzjoni addottat fl-aħħar xhur. Huwa żied jgħid li minkejja li Malta huwa pajjiż żgħir bi ftit atleti, dawn xorta waħda qed iġibu riżultati pożittivi għal Malta.

Edwin Vella semma’ wkoll xi attivitajiet li se jittellgħu mill-MSSF fil-futur. Huwa qal li fil-jiem li ġejjin se titella' f’Malta r-raba’ edizzjoni tal-Malta International Douple Trap Grand Prix li għalija jiġu Malta tiraturi ta’ fama internazzjonali. Id-Douple Trap Grand Prix se ssir fil-15 ta’ Awwissu filwaqt li t-trap Grand Prix se ssir fit-18 ta’ Awwissu.

Fl-aħħarnett Edwin Vella spjega li l-Federazzjoni torganizza dawn l-attivitajiet internazzjonali, biex tattiraw lejn Malta tiraturi ta’ fama internazzjonali biex anke jitħarrġu f’Malta. Huwa spjega kif dan jista’ jwassal biex xi darba Malta tospita' t-Tazza tad-Dinja tal-Isparar.

Intant it-Tiratur Malti William Chetcuti wkoll ħa sehem fil-Kampjonat Ewropew fejn irnexxilu jikklasifika fl-għaxar pożizzjoni.