Awdjo: “It-tifel ta’ 12-il sena li jsuq, emmnut aktar minn 4 pulizija”

L-Ispettur tal-Pulizija Sandro Camilleri esprima d-dispjaċir tiegħu u ta’ sħabu, li t-tifel ta’ 12-il sena li nqabad isuq kemm-il darba qed jiġi emmnut aktar minn erba’ pulizija li qabduh fil-fatt.
Ma’ Newsbook.com.mt, l-Ispettur Camilleri, li hu wkoll il-President tal-Police Officers' Union, qal li lbieraħ ġie nfurmat mill-erba’ uffiċjali tal-RIU li se jitressqu l-Qorti f’April li ġej, b’akkużi li għamlu ġrieħi ħfief fuq l-istess tifel u li bħala pulizija kellhom jaraw li dan ma jssirx.
“Storja li ma titwemminx,” hekk iddeskriva s-sitwazzjoni Camilleri.
Żied jgħid li l-minuri nqabad l-ewwel darba b’BMW lussuża, jgħaqqad it-tyres u l-pulizija lanqas setgħu jilħquh.
Kompla jgħid li meta żammewh, it-tifel weġġa’ pulizija minnhom, meta ta daqqa ta’ sieq fuq il-bieba u fetaħ id pulizija. Spjega li meta ġew biex jarrestawh, it-tifel irreżista u ħabbat rasu mal-art minn jeddu.
L-Ispettur sostna li meta marret fuq il-post, ommha stess kienet qalet li ma tridx li jittieħdu passi fil-konfront tagħhom.
“Bniedem li jgħid li ġie msawwat, ma jerġax joħroġ tlett ijiem wara u jagħmel l-istess storja,” żied jgħid. Saħaq li kien hemm rapporti ripetuti dwar it-tifel, fosthom li jmur l-iskola b’karozza u li jkun hemm xi ħadd riekeb miegħu u jibdlu l-post meta jkunu se jinqabdu. It-tifel qed jiġi investigat ukoll fuq materji oħra.
Semma li kif ħarġet l-aħbar li l-Pulizija se jitressqu l-Qorti, bi sfida t-tifel kiteb fuq Facebook, “Ma taqbduni qatt.”
L-Ispettur Sandro Camilleri saħaq li l-biża’ tal-pulizija hi li se jispiċċaw joqogħdu lura u ma jaġixxux, għax qed imorru jaħdmu u jispiċċaw b’xogħolhom mhedded.
“Spiċċajna agħar minn scouts, m’aħna emmnuti f’xejn. Jekk mhux emmnuti aħna b’xhieda ta’ 4 pulizija, wasalna fil-qiegħ,” żied jgħid.
Tenna x-xewqa tiegħu li l-uffiċjali jkollhom body cam.
Semma t-tibdil fil-liġi u qal li sa ftit ilu l-età tal-minuri li ma setgħux jinstabu ħatja kienet ta’ 9 snin, u issa telgħet għal 14-il sena.  Żied jgħid li kienet deċiżjoni assurda għax la għamluha pajjiżi oħra ma jfissirx li għandna nagħmluha aħna wkoll. Saħaq li ta’ 14-il sena diffiċli ddawwar persuna fid-direzzjoni t-tajba.