​Awdjo: It-tokis jagħlqu 87 sena, fil-Belt lura bil-liżar

Hekk kif fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru jitfakkar Jum it-Tokis, f’Malta se jittellgħu diversi attivitajiet.
Din is-sena jaħbat is-87 anniversarju minn meta ntwera l-ewwel film mitkellem, The Jazz Singer. Dan il-film intwera f’Ottubru 1927 fit-teatru Warner fi New York.
Ma’ Newsbook.com.mt, Vince Williams mill-Fergħa Maltija tas-Soċjetà Internazzjonali Al Jolson qal li qed jorganizzaw wirja dwar dan il-film, mil-lum sat-12 ta’ Ottubru, fl-intrata tal-kumpless taċ-ċinema fi Triq Ħaż-Żabbar fil-Fgura. Il-wirja, se tkun miftuħa l-ġurnata kollha u tinkludi diversi ritratti u tagħrif.
Barra minn hekk, biex jitfakkar il-kantant leġġendarju Al Jolson, is-Soċjetà se ttella’ serata dwar il-kantant nhar il-Ħadd 12 ta’ Ottubru fis-sala tar-Royal British Legion fil-Belt Valletta. Matul is-serata li tibda fil-4.45pm se jintwerew dokumentarji u materjal viżiv ieħor dwar Al Jolson fuq liżar kbir tat-talkies.
Id-dħul għal dawn l-attivitajiet huwa b’xejn.