Awdjo: “Issorprendietni t-tbissima fuq wiċċ it-tfal li daħlu bid-dgħajjes”

Dr Elena Vachelli, waħda mill-professjonisti li fl-aħħar tlett ijiem osservaw il-wasliet tal-immigranti irregolari fi Sqallija, iddeskriviet l-esperjenza tagħha bħala waħda “emozzjonali ħafna.”
Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Vachelli spjegat li minkejja li qrat ħafna dwar l-immigrazzjoni, qatt ma kienet temmen xi tħoss meta tara b’għajnejk.
Qalet li l-aktar ħaġa li ssorprendieta f’Lampedusa, kienet li wħud mit-tfal u l-adoloxxenti li daħlu bid-dgħajjes kienu qed jitbissmu.
Spjegat li meta rat hekk ħasset serħan f’qalbha, iżda fl-istess ħin kienet inkwetata u mħassba dwar x’se jsir minnhom, hux se jiksbu dritt għall-ażil, jekk hux se jingħataw protezzjoni internazzjoni, u jekk hux se jispiċċaw f’ċentru ta’ detenzjoni.
Dr Elena Vachelli semmiet ukoll kif is-sitt dgħajsa kienet mimlija b’nisa u tfal mis-Sirja. “Waħda min-nisa kienet qed tistenna tarbija, u ma kinitx qed tħossha tajjeb; ħafna mit-tfal kienu jidhru għajjenin,” żiedet tgħid.
Qalet kif mal-wasla tagħhom f’Lampedusa l-immigranti ġejjin mill-Afrika, Ghana, Gambia u l-Bangladexx, kienu milqgħuha tajjeb b’ħidma kordinata mill-awtoritajiet, bl-għajnuna ta’ sorijiet u għaqdiet volontarji jagħtuhom l-ikel u l-ilma.
“Kien hemm ukoll it-tobba jiċċekkjaw saħħithom,” qalet Dr Elena.
Madanakollu ma stennietx li tara l-pulizija ta’ kontra l-irvellijiet, “imma tista’ tkun parti mill-proċedura f’dawn il-każi.”
Spjegat li t-tnedija tal-proġett hu li tingħata importanza mhux biss lill-istatistika imma anke l-esperjenzi individwali tal-immigranti.
Qalet li huma ftit l-immigranti li jixtiequ jibqgħu fl-Italja minħabba li m’hemmx  biżżejjed opportunitajiet ta’ xogħol.
Dr Elena saħqet li hemm bżonn li tinbidel is-sistema b’mod li tiġi inqas riġida u tippermetti li immigranti jidħlu fl-Ewropa b’mod legali.