Awdjo: “Issa l-ekonomija Maltija ma jistax jiġrilha bħal dik ta’ pajjiżi oħra”

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna tkellem dwar il-fatt li Malta nħallet mill-proċedura ta’ defiċit u dejn eċċessiv mill-Kummissjoni Ewropea.
Fil-programm Newsbook fuq RTK, il-Ministru Scicluna semma kif issa l-poplu Malti jista’ jserraħ moħħu li m’hemmx il-periklu li l-ekonomija Maltija tgħaddi minn taqlib ekonomiku li għaddew minnu pajjiżi oħra.
Kompla jispjega kif Malta u l-Polonja sa sentejn ilu kienu żewġ pajjiżi li kienu għadhom taħt defiċit eċċessiv, iżda issa fl-opinjoni tal-Kummissjoni Ewropea dawn il-pajjiżi urew titjib ekonomiku sostanzjali.
Sostna li din il-proċedura tirrigwarda mhux biss id-defiċit, iżda wkoll id-dejn tal-pajjiż.
Qal li d-dejn irid ikompli nieżel bħala persentaġġ tal-Prodott Gross Domestiku.
Semma li anke skont it-tbassir tal-Kummissjoni Ewropea, id-dejn ta’ Malta qed jiżdied bi proporzjon relattiv u qal li dan kien wieħed mill-fatturi li wassal biex Malta inħarġet minn dawn il-proċeduri ta’ defiċit eċċessiv.
Ilbieraħ il-Gvern ħabbar li l-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi, l-ECOFIN, irratifika r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea li titneħħa l-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv fil-konfront ta’ Malta.