​Awdjo: “Is-suwiċidju mhu qatt is-soluzzjoni” – Dr Mark Xuereb

Minkejja li r-realtà hi li fis-soċjetà jeżisti l-ibbuljar, l-abbuż sesswali u fiżiku u familji mkissra, il-verità hi li hemm nies oħra li jridu jgħinu u s-suwiċidju mhu qatt is-soluzzjoni.
Il-Psikjatra Dr Mark Xuereb minn Crisis Resolution Malta għamel l-appell imqanqal fil-programm Follow Up fuq RTK meta semma s-serje televiżiva 13 Reasons Why u kif din toffri ritratt realistiku imma fl-istess waqt ritratt pessimistiku tas-soċjetà.
Persuna m’għandhiex tibqa’ iżolata imma titkellem
Semma kif l-istress jista’ jaffetwa ħażin lil kulħadd u l-agħar ikun meta persuna tibqa’ iżolata u ma titkellimx.
Appella biex persuna tikkumbatti l-iżolament b’affarijiet bażiċi, fosthom b’ikla mal-familja u b’komunikazzjoni bl-eye contact ma’ persuna oħra milli minn wara l-kompjuter.
Ġibed l-attenzjoni ta’ kif fis-soċjetà tal-lum persuna faċli ma dduqx il-komunikazzjoni wiċċ’imb wiċċ ma’ ħaddieħor u tispiċċa jkollha ħsibijiet negattivi.
Qal li din hi pjaga mistura tas-soċjetà fejn persuna tibda taħseb li hi “miġnuna” u ma titlobx l-għajnuna. Fakkar li hemm l-għajnuna u t-terapija tagħmel differenza.
“Grazzi li salvajtni, kemm hi sabiħa l-ħajja. Dak il-ħin kont fi sqaq mudlam”
Dr Xuereb jispjega li f’każi fejn persuna tilqa’ l-għajnuna u ma tagħżel li tgħix, din tirringrazzja lil min ikun taha l-għajnuna. Jikkwota frażijiet li jgħidu dawn il-persuni: “Grazzi li salvajtni, kemm hi sabiħa l-ħajja. Dak il-ħin kont fi sqaq mudlam”
Twissija kontra “logħob” perikoluż u abbuż mid-droga
Il-psikjatra jirreferi għall-hekk imsejħa logħba tas-suwiċidju Blue Whale fejn persuna tiżola ruħha għal siegħat sħaħ mal-kompjuter u tidħol għal sfidi perikolużi. Iwissi dwar il-problemi psikoloġiċi kkawżati mid-drogi u kif dan il-logħob qed jagħmel ħafna ħsara.
Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.