Awdjo: “Is-sitwazzjoni fl-Iraq hija ħażina ħafna” – L-Isqof Awżiljarju ta’ Bagdad

“Irridu d-drittijiet umani tagħna! Irridu l-libertà!” Dan kien l-appell li l-Isqof Awżiljarju tal-Knisja Kaldea* f’Bagdad, Monsinjur Shlemon Warduni għamel ma’ Newsbook.com.mt fid-dawl tal-persekuzzjoni tal-Insara fl-Iraq.
Mons. Warduni spjega li s-sitwazzjoni fl-Iraq, speċjalment fil-Belt ta’ Mosul, hija ħażina ħafna. Qal li l-grupp militari IS (Islamic State), ġiegħel lill-Insara kollha biex jitilqu minn Mosul, inkella joqtulhom.
Żied li fi triqithom ġew misruqa wkoll mill-ftit affarijiet li ħadu magħhom biex ikunu jistgħu jgħixu mqar għal ftit jiem.
L-Isqof Awżiljarju qal li dawn l-Insara m’għandhomx fejn imorru u ħadd, ħlief il-Knisja, mhu qed jagħmel xejn biex jgħinhom.
Spjega li għalkemm hu jgħix flimkien mal-komunità Nisranija f’Baghdad, fejn is-sitwazzjoni hija kwieta, kuljum jgħixu fil-biża li xi darba se jmiss lilhom. 
Fid-dawl ta’ dan kollu, Shlemon Warduni saqsa lill-Insara u l-komunità internazzjonali, għalfejn ħadd mhu jitkellem jew joħroġ b’soluzzjonijiet.
Żied li soċjetajiet bħal Malta għandhom jgħinu lil dawn il-gruppi f’minoranza biex ikollhom il-libertà jippratikaw ir-reliġjon tagħhom. Qal li minkejja l-persekuzzjoni, l-Insara fl-Iraq huma kuntenti bir-reliġjon tagħhom.
Kien hawn li ħeġġeġ lill-Insara biex jiftakru li r-Reliġjon Kattolika hija mibnijia fuq l-imħabba u l-paċi għandha tiġi mid-djalogu u mhux mill-użu tal-armi.
Minn jixtieq jagħti xi għajnuna finanzjarja, biex il-Knisja fl-Iraq tkun tista’ tgħin lill-Insara, jista’ jikkuntatja lill-uffiċċju ta’ Aid to the Church in Need Malta.

*Il-Knisja Kaldea hija f’għaqda sħiħa mal-Papa. L-uniku differenza hija r-rit liturġiku.