Awdjo: “Is-Sinodu mhuwiex biss fuq id-divorzjati u t-tqarbin” – Kardinal Prospero Grech

Fid-dawl tas-Sinodu tal-Familja fil-Vatikan, il-Kardinal Prospero Grech, hu tal-fehma li ħafna nies qed jaħsbu li s-Sinodu tal-Isqfijiet se jiffoka biss fuq l-omosesswalità, id-divorzjati u t-tqarbin għal min qed jgħix f’relazzjoni barra ż-żwieġ.
Ma' Newsbook.com.mt il-Kardinal Malti saħaq li “l-familja għandha elf problema oħra li lanqas biss nimmaġinawhom”.  Fost l-oħrajn semma l-problemi tal-poligamilja, taż-żwiġijiet bejn il-musulmani u l-kattoliċi u anke l-fatt li l-familja qed tisfaxxa.
Fil-fatt, fid-dokument Instrumentum Laboris, dokument li fih l-isfidi pastorali tal-familja fost l-oħrajn hemm imniżżla l-impatt tax-xogħol fuq il-familja, l-abbuż u l-vjolenza, il-faqar, l-effetti tal-gwerra fuq il-familji u l-għarfien tal-Bibbja fuq il-familja.
Il-Kardinal qe jittama li s-sena d-dieħla, meta jerġgħu jiltaqgħu l-isqfijiet, ikun hemm proposti konkreti dwar kif jistgħu jissaħħu l-valuri tal-familja nisranija.
Kif qal Mons. Grech stess hu “ra l-Knisja tinbidel” hekk kif ilbieraħ iċċelebra s-70 anniversarju mill-professjoni reliġjuża tiegħu hekk kif fl-1943 ingħaqad mal-Agostinjani bħala novizz u beda l-professjoni sena wara.
Mill-esperjenzi li għadda minnhom tul is-70 sena li ilu mal-Agostinjani, il-Kardinal Grech sostna li wasal iż-żmien li l-Knisja tadatta ruħha għaż-żminijiet preżenti. 
Madanakollu saħaq li ma jfissirx li l-Knisja għandha tinbidel għax “wieħed mill-għanijiet tagħha hu li tbiddel is-soċjetà u mhux li s-soċjetà tbiddel lill-Knisja”.
Il-Kardinal Prospero Grech jaqbel mal-kummenti li għadda l-Isqof Mario Grech ilbieraħ waqt is-Sinodu, jiġifieri filwaqt li tibqa’ marbuta mat-tradizzjonijiet tagħha, il-Knisja trid ittejjeb il-modi u tkun aktar kreattiva kif twassal il-Vanġelu.