Awdjo: Is-servizz il-ġdid tal-linja fi proġett pilota f’Għawdex

F’Għawdex se jsir proġett pilota tas-sistema l-ġdida tal-biljetti tat-trasport pubbliku, qabel ma s-sistema tiġi estiża għal Malta.
Ma’ Newsbook.com.mt, Felipe Cosmen, id-Direttur tal-kumpanija Autobuses de Leon, qal li fis-sistema tat-trasport f’Għawdex jidher li m’hemmx problemi.
Żied jgħid li l-kumpanija tkellmet ma’ għadd ta’ Għawdxin li qalu li jinsabu kuntenti bis-servizz u urew ix-xewqa li f’Għawdex kollox jibqa’ kif inhu.
Felipe Cosmen wiegħed li s-servizz tat-trasport pubbliku f’Għawdex se jibqa’ l-istess. 
Spjega li l-unika bidla se tkun li passiġġieri tal-linja f’Għawdex mhux se jkollhom bżonn jixtru biljett ieħor jekk fl-istess jum ikunu se jużaw it-trasport pubbliku f’Malta. Qal li n-noll għal 30 jum f’Għawdex se jibqa’ €10.
Id-Direttur tal-kumpanija Spanjola sostna li jridu jesploraw ir-rotot tas-sajf u x-xitwa f’Għawdex, minħabba li fis-sajf id-domanda titrippla.
Semma li sas-sajf f’Għawdex se tiġi introdotta flotta ġdida ta’ karozzi tal-linja, iżda għadu primittiv li jindika kemm se jiġu stazzjonati. Id-daqs tal-karozzi tal-linja se jkunu skont ir-rotot.
Mistenni wkoll li jsir taħriġ ta’ customer care lix-xufiera u se jkunu qed jaħdmu wkoll biex fuq tal-linja ikun hemm aktar indafa.
Tista’ tisma’ l-intervista sħiħa mad-Direttur ta’ Autobuses de Leon nhar il-Ġimgħa waqt il-programm Baħar Jaqsam fuq RTK.