Awdjo: Is-sbuħija tal-gżejjer Maltin

Anna Azzopardi

Il-kantanta Anna Azzopardi nediet is-single ġdida tagħha Ġenna tal-Art, kanzunetta li tagħmel referenza għas-sbuħija li joffru l-gżejjer Maltin, b’mod partikolari fl-istaġun sajfi. Il-kanzunetta nħarġet fuq pjattaformi diġitali bħal Youtube, Tidal, Spotify, Itunes u Amazon Music fost oħrajn.

Anna Azzopardi ħadet sehem f’diversi konkorsi, bħall-Konkors Kanzunetta Indipendenza, il-Malta Summer Hit Song Contest, fl-ewwel edizzjoni ta’ X-Factor Malta, il-Malta Song for Europe 2010 u 2011, kif ukoll bħala backing vocalist fil-Eurovision Song Contest fl-2003, fl-2016 u fl-2018. Barra minn hekk, Anna hija wkoll waħda mill-kantanti tal-Animae Gospel Choir.

Samuel Bugia li huwa l-kompożitur ta’ din il-kanzunetta, twieled f’Coruña, belt fil-Majjistral ta’ Spanja. Samuel kien iltaqa’ ma’ Anna fis-sena 2012 meta kantat il-kanzunetta tiegħu ‘Still Waiting’ fil-Malta Song for Europe. Hu ħadem ma’ diversi kantanti minn diversi pajjiżi, fosthom minn Malta, Ċipru, Portugall, Latvja, Litwanja, Moldova, Rumanija u ovvjament fi Spanja. Is-sit elettroniku tiegħu huwa; www.samuelbugia.com, fejn wieħed jista’ jisma’ xi kompożizzjonijiet minn tiegħu.

L-awtur ta’ Ġenna tal-Art, Keith Zammit, huwa mill-Mosta. Ipparteċipa f’diversi edizzjonijiet tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza, fil-Malta Song for Europe fl-2010 u fis-sena 2011, f’liema sena l-kantanta kienet Anna Azzopardi. Keith ha sehem ukoll b’żewġ kanzunetti fil-Malta Summer Hit Song Contest fl-2014, fejn klassifika fit-tieni post bil-kanzunetta My Hero li ġiet interpretata ukoll mill-istess Anna Azzopardi. Keith kellu diversi esperjenzi f’kompetizzjonijiet barra minn xtutna fosthom fir-Rumanija, il-Moldova u l-Eġittu fost oħrajn. Ikkompeta ukoll f’diversi edizzjonijiet tal-UK Songwriting Contest, fejn wasal sas-semi-finali f’diversi okkażjonijiet.

Isma’ l-kanzunetta Ġenna tal-Art minn hawn: