Awdjo: “Is-sajjieda f’Marsaxlokk b’emozzjonijiet kbar” – Il-Kappillan

Il-Knisja Parrokkjali ta’ Marsaxlokk se jkollha titular ġdid u se tiġi ddikjarata Santwarju.
Ma’ Newsbook.com.mt il-Kappillan Dun Luke Seguna spjega li għax-Xlukkajri din hija okkażjoni sabiħa u qal li s-sajjieda għandhom emozzjonijiet qawwija għal din l-aħbar għax hekk kif ikunu deħlin fil-port ma jkunu qed jistennew xejn ħlief li jaraw il-Knisja.
Spjega li nhar it-8 ta’ Mejju, fl-okkażjoni tal-Pelegrinaġġ Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pompej, l-Arċisqof Charles Scicluna se jikxef il-kwadru titulari ġdid, li hu mpitter mill-artist Manwel Farrugia u jiddikjara l-Knisja bħala Santwarju.
Dun Luke spjega li fil-kwadru titulari se jkun hemm il-Madonna ta’ Pompej tagħti l-kuruna tar-rużarju lil Santa Katerina ta’ Siena u l-Bambin jagħti l-kuruna tar-rużarju wkoll lil San Duminku. Żied jgħid li taħt saqajn il-Madonna hemm ix-xena ta’ Marsaxlokk, li jwaħħad flimkien lil Marsaxlokk mal-Madonna ta’ Pompej.     
Il-Kappillan spjega li s-Santwarju huwa l-post fejn il-pellegrini jmorru u jaqilgħu l-grazzji li jitolbu. Qal li kienu diversi sajjieda li marru hemm u qalgħu grazzja mingħand il-Madonna.
Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet se jiġu ċċelebrati fis-sena li l-knisja Xlukkajra qed tagħlaq 50 sena mill-konsagrazzjoni, li se tkun iċċelebrata fis-17 ta’ Settembru.
Sfond storiku
Marsaxlokk sar Parroċċa ddedikata lill-Madonna tar-Rużarju ta’ Pompei nhar il-11 ta’ Jannar 1897, b’digriet tal-Isqof Mons. Pietru Pace.
Il-knisja kellha tiġi mkabbra matul iż-żminijiet u ssawret fil-knisja preżenti.
Hija ġiet ikkonsagrata fis-17 ta’ Settembru 1967 u l-pellegrinaġġ nazzjonali kien beda fl-1963.