Awdjo: Is-CPD tgħid li l-midja soċjali tagħmel iktar deni milli ġid fil-maltemp

Hekk kif din il-ġimgħa Malta ntlaqtet minn jiem sħaħ ta’ maltemp qawwi, u ħafna kienu dawk li ma’ Newsbook.com.mt u anke fuq il-mezzi soċjali rrakkuntaw esperjenzi koroh, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qal li fil-maltemp il-midja soċjali tagħmel iktar deni milli ġid.
Nhar l-Erbgħa li għadda Newsbook.com.mt ippubblika rapport dwar kif in-nies għandhom iġibu ruħhom fil-maltemp, wara li tkellem ma’ rappreżentanta ta’ Transport Malta, kif ukoll bil-pariri li l-Pulizija tellgħet fuq il-paġna ta’ Facebook.
Ma’ Newsbook.com.mt, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emmanuel Psaila saħaq li l-pubbliku m’għandux ixerred aħbarijiet allarmanti fuq il-midja soċjali, li ma jkunux inħarġu uffiċjalment mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, mill-Uffiċċju Meterjoloġiku jew mill-Pulizija.  
Qal li aħbarijiet foloz bħal dawn tant jinxterdu malajr li tkun diffiċli għalihom biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni, u jikkonvinċu lin-nies li fil-fatt m’hemm periklu ta’ xejn.
Psaila spjega li qabel ma tinħareġ twissija uffiċjali, id-dipartiment jikkonsulta mal-Ministeru u mal-Uffiċċju Meterjoloġiku, dwar il-maltemp li jkun riesaq lejn il-gżejjer, u jibqgħu jissorveljaw is-sejħiet għall-għajnuna li jirċievu.
Psaila saħaq fuq l-importanza tal-midja soċjali sabiex id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jwassal messaġġ mill-iktar fis lill-pubbliku, iżda appella lin-nies biex ikunu kawti meta jaqraw jew ixerrdu xi aħbarijiet, minħabba li jistgħu jallarmaw lin-nies għalxejn jekk l-istqarrija ma tkunx ħarġet mit-tliet entitajiet uffiċjali. 
Id-Direttur tad-DPĊ qal li sakemm ma jarawx li t-temp ikun ta’ periklu kbir għan-nies, ma tinħareġ l-ebda twissija.
Żied jgħid li ma jeskludux li joħorġu avviżi biex in-nies jevitaw inħawi fejn jaqbel il-maltemp u postijiet fejn jinġabar l-ilma. Madanakollu f’dawn il-jiem id-Dipartiment ma ħareġ l-ebda avviż.
Psaila kompla jgħid li jekk jaraw li ġej ħafna maltemp u jħossu l-bżonn li javżaw lill-pubbliku, tinħareġ stqarrija bi stima tal-ħin għal kemm tibqa’ tapplika t-twissija, li tittella’ wkoll fuq il-paġna ta’ Facebook.
Fost il-kummenti fuq il-mezzi soċjali, persuna kitbet li kważi tkaxkret bil-karozza b’kollox fl-inħawi ta’ Bormla. Spjegat li nqala’ l-bumper tal-karozza u n-numberplate spiċċa jimxi mal-kurrent. Kitbet li anke fejn is-soltu ma jinġemax ilma, spiċċaw għerqu t-toroq.