Awdjo: “Irridu nsibu l-għeruq tal-preġudizzji” – Il-President

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li hemm bżonn li nsibu l-għeruq tal-preġudizzji li qed ixekklu l-ħajja tas-soċjetà.
Wara li tkellmet ma’ diversi studenti waqt żjarat fl-iskejjel, il-President ta’ Malta qalet li huwa ċar li kawża tal-preġudizzji, it-tfal jgħaddu minn esperjenza ta’ tbatija, anke minħabba bullying.
Qalet li hemm bżonn li “nkunu ħafna attenti u immedjati” bil-mod ta’ kif tingħata l-għajnuna lit-tfal vittmi tal-bullying u anke lil dawk li huma l-bullies u li allura hemm kawża wara din l-imġieba.
Il-President Coleiro Preca spjegat kif il-preġudizzji jxekklu l-progress u l-ħajja fit-tfal u għalhekk ixekklu l-ħajja tas-soċjetà.
Matul il-ġurnata, il-President ta’ Malta żaret l-iskola St Edward u anke l-iskola sekondarja f’Bormla li tifforma parti mill-Kulleġġ Santa Margerita.
Ta’ min jgħid li f’kull skola, il-President qed tqassam bookmark bil-kliem tal-Innu Malti, bil-għan li t-tfal jitħeġġu jitgħallmu l-Innu Nazzjonali. 

Ritratti: DOI – Omar Camilleri/Clifton Fenech