Awdjo: “Irridu nilqgħu lill-persuni LGBTIQ mingħajr ma nagħmlu roħs fit-tagħlim tal-Knisja” – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li filwaqt li rridu nilqgħu fostna persuni LGBTIQ ma nistgħux nagħmlu roħs jew ħsara mit-tagħlim tal-Knisja li wasal mingħand missirijietna u li rridu ngħadduh għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.
F’kummentarju fuq l-RTK, Mons. Scicluna qal li skont it-tagħlim tal-Knisja ż-żwieġ jibqa’ bejn raġel u mara miftuħ għad-don tat-tfal. Stqarr li minkejja li l-liġi l-ġdida tgħid li ż-żwieġ jista’ jkun bejn raġel u raġel u mara u mara, il-liġi ma tistax tibdel istituzzjoni naturali. Saħaq li l-liġi tista’ tibdel biss il-kliem iżda l-kliem ma jistax jibdel ir-realtà.
Mons. Scicluna spjega li filwaqt li rridu nitkellmu b’rispett lejn xulxin, kliemu ma għandux jiftiehem bħala disprezz lejn in-nies LGBTIQ. Saħaq li huwa dover ta’ kull Nisrani li jittrata lil kulħadd, inkluż nies LGBTIQ, b’rispett kbir.
Tenna li b’diskorsu mhu jeskludi lil ħadd u żied jgħid li ma jistax ma jgħidx it-tagħlim ta’ Ġesù Kristu. Qal li meta kien qed jitkellem fuq id-divorżju Ġesù qal “ma kienx hekk sa mill-bidu”. Żied jgħid li aħseb u ara xi jkollu xi jgħid Ġesù Kristu fuq ir-rabta bejn raġel u mara meta fl-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-Ġenesi, hemm mitkub li Alla ħalaq il-bniedem xbieha tiegħu, raġel u mara ħalaqhom.
Mons. Scicluna qal li l-imħabba bejn żewġt irġiel u żewġ nisa hija mħabba ta’ ħbiberija iżda ma tistax tissejjaħ żwieġ għax żwieġ huwa miftuħ għat-tfal, li jiġu mill-intimità sesswali għall-miżżewġin bejn raġel u mara. Tenna li l-intimità bejn raġel u raġel u mara u mara ma tista’ qatt iġġib it-tfal allura mhix intimità ta’ miżżewġin.
Huwa appella biex it-tfal ma jsirux prodott iżda jibqgħu rigal mingħand Alla. Spjega li t-tfal jiġu prodott meta toħloqhom it-teknoloġija skont ir-rieda u x-xewqa ta’ min jordnahom.
Saħaq li ma jixtieqx li l-ġuf tal-mara jsir kerrejja u lanqas irid li ż-żerriegħa tar-raġel u l-bajda tal-mara jkunu fis-suq anke jekk mingħajr flus.
Tenna li jixtieq li d-don tal-ulied jibqa’ frott tal-imħabba bejn ir-raġel u l-mara, li huma l-omm u l-missier fl-għaqda taż-żwieġ.
Temm jgħid li jaf li dan it-tagħlim imur kontra l-kurrent iżda bħala Arċisqof ma jistax iċaħħad lill-poplu mit-tagħlim tal-Knisja għax irid jagħti kont quddiem Alla ta’ dak li jgħid u ta’ dak li ma jgħidx.
Ritratti: Ian Noel Pace