Awdjo: “Il-Gvern għandu jinforma lill-ħaddiema tal-Air Malta b’dak li għaddej” – Adrian Delia

L-avukat Adrian Delia qal li jekk il-Gvern m’għandux f’rasu li jippubblika l-korrispondenza li għaddejja bejnu u l-sieħeb strateġiku preżenti, għandu jżomm lill-ħaddiema tal-Air Malta infurmati b’dak li għaddej.
Fuq Facebook Dr. Delia qal li qed ikellmuh ħafna ħaddiema tal-Linja Nazzjonali tal-Ajru li huma mħassba dwar dak li għaddej fil-kumpanija.
“Irrid Partit modern mingħajr ma jitlef il-valuri tradizzjonali tiegħu”
Sadanitant waqt il-programm Follow Up fuq RTK, Adrian Delia li se jikkontesta għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jrid partit modern mingħajr ma jitlef il-valuri tradizzjonali tiegħu, filwaqt li jisma’ u li jifhem xi jridu n-nies.
Dr Delia qal li ddeċieda li jikkontesta għall-Kap tal-PN wara li sema’ lin-nies u ra li hemm għatx kbir li jinbidel il-mod ta’ kif qed issir il-politika. Sostna li l-PN jeħtieġ politika friska li eventwalment tagħti r-riżultati.
Dr Delia spjega li x-xenarju politiku internazzjonali qed jgħaddi minn taqlib kbir u jidher li l-partiti tradizzjonali qed jiġu sfidati minn saħħiet ġodda. Saħaq li meta n-nies jiġu biex jivvutaw qed jirriflettu u m’għadhomx riġidi bħal qabel.
Adrian Delia tenna li huwa ċar li n-nies iridu xi ħaġa ġdida u ma għadhomx iridu l-politika ta’ wara t-Tieni Gwerra Dinjija. F’dan l-isfond sostna li l-PN irid ineħħi l-madmad ta’ snin ilu u jħares lejn is-soċjetà tal-lum, biex filwaqt li jibqa’ leali lejn il-prinċipji tiegħu jasal biex ikun il-partit fil-Gvern.
Dr Delia spjega li minkejja li ma jimmilitax f’partit politiku, ma jfissirx li ma jsegwix il-politika. Qal li fl-1987, meta kien żagħżugħ, kien attiv fil-politika għax kien ħass li jridu jissewwew l-inġustizzji li kienu qed jaħkmu lil Malta frott il-Gvern Soċjalista. Żied jgħid li wara li l-PN iġġieled għal-libertà huwa kompla jistudja u rabba familja.
“Qed nerġa’ nħoss li għandi niġġieled il-ħażin u negħleb l-inġustizzji”
Saħaq li issa reġa’ qed iħoss is-sejħa li jinvolvi ruħu biex jiġġieled il-ħażin u jegħleb l-inġustizzji.
Filwaqt li rrikonoxxa l-kumplessità li għandu kull partit politiku, Dr Delia qal li għandu kuraġġ li bil-ħiliet tiegħu jifhem dawn l-istrutturi u fejn hemm tajjeb ikompli jibni fuqhom u fejn hemm il-ħażin jirranġah.
L-avukat Adrian Delia qal li d-deċiżjoni li jitfa’ n-nomina għall-Kap tal-PN ħadha mal-familja. Stqarr li minkejja li martu għandha l-opinjoni tagħha, li hu ma jaqbilx magħha, jirrispettaha. Saħaq li huwa jemminx li wieħed għandu jsikket jew jipprova jdgħajjef opinjoni li ma taqbilx miegħu. Sostna li minkejja l-opinjoni ta’ martu, jekk ikun elett Kap, se jkun hu li qed imexxi u li martu mhux se tindaħallu f’xogħlu.
"Naqbel li tinħatar Kummissjoni interna biex tiskrutinizza lill-kandidati li se jikkontestaw għall-Kap"
Intant Dr Delia sostna li huwa jaqbel mas-suġġeriment tal-ġurnalista Dione Borg li tinħatar Kummissjoni interna biex tiskrutinizza lill-kandidati li se jikkontestaw il-kariga għall-kap tal-PN.
Fuq Facebook, Dr Delia kiteb li sistema simili applikaha wkoll fil-klabb tal-futbol li jmexxi. Tenna li mhux biss il-Kap għandu jiġi skrutinizzat, iżda kull kandidat li juri x-xewqa li lest li jservi lin-nies.