Awdjo: Ir-riżenja ta’ Michael Falzon turi rispett lill-Awditur Ġenerali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li minkejja li l-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon akkuża b’vendikazzjoni lill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, ir-riżenja tiegħu kienet sinjal ta’ rispett lejn l-istess uffiċċju.
Mal-ġurnalisti, il-Prim Ministru nsista li Falzon refa’ r-responsabbiltà tiegħu u b’dak li qal kien qed jesprimi l-opinjoni tiegħu, kif għandu dritt.
Joseph Muscat qal li Michael Falzon aġixxa b’mod differenti minn kif aġixxew Ministri Nazzjonalisti, li mhux talli ma rriżenjawx imma anke ressqu mozzjoni biex jiġi investigat l-Awditur Ġenerali.
Nhar il-Ġimgħa waqt il-programm Xarabank, l-eks-Segretarju Parlamentari ddeskriva r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-każ ta’ Gaffarena, bħala “pastażata u vendikazzjoni politika” fil-konfront tiegħu.