Awdjo: Ir-riskju li l-Ebola tinfirex fl-Ewropa hu baxx ħafna – Tonio Borg

Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa, Tonio Borg qal ma’ Newsbook.com.mt li l-esperti kollha jgħidu li r-riskji li l-marda tal-Ebola tinfirex fl-Ewropa, jibqgħu baxxi ħafna.
Madankollu, xorta l-pajjiżi kollha għandhom jibqgħu viġilanti u ippreparati.
Dr Borg kien qed jitkellem fi tmiem konferenza organizzata mill-Kummissjoni Ewropea tas-Saħħa li mal-Ministri Ewropej iddiskutiet il-miżuri li se jittieħdu għall-kontroll ta’ din il-marda.
Semma li se jiżdiedu l-kontrolli tal-ħruġ ta’ persuni mill-pajjiżi milquta mill-marda. Se jintbagħtu esperti fl-ajruporti ta’ dawn il-pajjiżi biex jissolvew in-nuqqasijiet.
Fl-ajruporti fejn jaslu dawn il-persuni, il-Kummissjoni ma tistax tindaħal x’passi jittieħdu u diġà hemm xi pajjiżi li introduċew numru ta’ miżuri. Intlaħaq qbil li tinqasam l-informazzjoni bejn il-pajjiżi membri tal-UE u tinġabar database mill-informazzjoni li tinġabar mill-viżas.
Sadattant il-Kummissjoni se tlaqqa’ esperti Ewropej fit-trattament tal-Ebola u se jsir workshop fl-4 ta’ Novembru biex jinqasmu l-prattiċi għall-kontroll tal-infezzjoni.