Awdjo: Ir-riħ diġà ħalla danni ta’ eluf ta’ ewro fil-bajjiet

Il-bufuri ta’ riħ li ħakmu lill-Gżejjer Maltin fl-aħħar jiem ikkawżaw bejn €8,000 u €10,00 f’danni f’uħud mill-bajjiet ewlenin.
Lokalitajiet bħal San Pawl il-Baħar, Buġibba, San Ġiljan u Tas-Sliema huma fost l-agħar li ntlaqtu ħażin mill-ewwel maltempata ta’ riħ li għamlet tul din il-ħarifa.
Id-Direttur tad-Direttorat għat-Tindif Ramon Deguara, qal ma’ Newsbook.com.mt li l-akbar ħsara li saret kienet fuq slielem u pontijiet.
Minn 240 sellum imwaħħal fil-bajjiet, 40 minnhom, kawża tar-riħ qawwi, spiċċaw mgħerrqa fil-baħar jew inkella mgħawġa. 
Kull sellum u stmat li jiswa madwar €200.
Minkejja li s-sajf għadda, minħabba li t-temperatura tal-baħar għadha tajba għall-għawm, id-Direttorat għadu qed jirċievi lmenti biex is-slielem jibqgħu mwaħħla anke fix-xitwa. 
Deguara qal li bħal kull sena, il-maġġoranza tas-slielem se jinqalgħu mill-bajjiet għajr xi ftit li jibqgħu tul is-sena kollha.
Daqs ġimagħtejn ilu, ir-riħ u l-mewġ qawwi wasslu biex pont tal-injam fil-bajja ta’ San Ġiljan, tqaċċat minn postu, nġarr mill-baħar u spiċċa mgħerreq f’nofs il-bajja.
Minn Lulju li għadda, id-Direttorat għat-Tindif beda jirċievi madwar 30 ilment kuljum fuq il-linji l-ġodda tal-customer care 1718 kif ukoll minn fuq il-paġna ta’ fuq Facebook bl-isem ta’ Garby and Tindy.