Awdjo: “Ir-rapporti li analizzajna kważi kollha kienu diġà marru għand il-Pulizija”

David Casa, il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew qal li r-rapporti kollha, ħlief għal wieħed, li d-delegazzjoni li ġiet Malta f’Diċembru analizzat, kienu waslu kollha għand il-Pulizija għax kien hemm suspetti biżżejjed biex tiġi skattata investigazzjoni.
Żied jgħid li l-Gvern, jew skorrett jew qed jigdeb meta jipprova jgħid li r-rapporti tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU), li qagħdet fuqhom id-delegazzjoni tal-Ewroparlamentari, kienu fil-parti l-kbira compliance reports, u mhux analytical reports.
Casa kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, li xi ġimgħat ilu staqsejnieh hux minnu li d-delegazzjoni straħet ħafna fuq compliance reports.
Il-Gvern kien wieġeb formalment lid-delegazzjoni PANA/LIBE, u f’paġna 6 tad-dokument jenfasizza d-differenza bejn rapporti msejħa compliance  u dawk analytical tal-FIAU. Jirrimarka li dawk ir-rapporti li huma analitiċi biss jintbagħtu lill-Pulizija biex issir investigazzjoni, mill-bqija l-oħrajn ma jintbagħtux għax ma jkunx hemm biżżejjed suspetti.
Casa tenna ma’ Newsbook.com.mt li rapport wieħed biss kien compliance.
Fir-rapport li d-delegazzjoni kienet ħejjiet wara ż-żjara tagħha, tirrimarka bin-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Korp tal-Pulizija biex jinvestigaw rapporti tal-FIAU b’evidenza ssustanzjata.
L-Ewroparlamentari Nazzjonalista stqarr li hu ċert minn dak li qed jgħid, u sfida lill-Gvern biex jekk irid jiftaħlu libell dwar dan.
Itemm jikkummenta dwar it-tweġiba li dejjem ta l-Gvern għaliex ma neħħiex lil Konrad Mizzi u Keith Schembri meta kien hemm ir-rivelazzjonijiet tal-Panama Papers, u aktar tard ir-rapporti tal-FIAU dwar tixħim ta’ flus mill-iskema taċ-ċittadinanza b’investiment.
Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, sostna li lil dawn ma neħħihomx għax m’hemmx biżżejjed evidenza.
Għal dan Casa wieġeb li ma jistax jifhem kif il-Panama Papers u rapporti mill-FIAU mhumiex biżżejjed evidenza.
Ilbieraħ l-MEP xehed il-Qorti quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja dwar rapport tal-FIAU li Casa qal li għandu, u li skontu hu l-agħar wieħed li jinkrimina lill-Ministru Konrad Mizzi.
Mizzi kien wieġbu li Casa ossessjonat bih, u li m’hemm xejn minn dak li qed jallega l-MEP.