​Awdjo: “Ir-rapport tal-Awditur vendikazzjoni politika fuqi” – Michael Falzon

L-eks-Segretarju Parlamentari Michael Falzon iddeskriva r-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-każ ta’ Gaffarena bħala “pastażata u vendikazzjoni politika" fil-konfront tiegħu. 
Qal li dak ir-rapport huwa motivat politikalment u qal li ċerti nies li ħadmu b’dan il-għan, għadhom fl-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali.
Waqt li tkellem fil-programm televiżiv Xarabank ilbieraħ, Michael Falzon qal li l-130 paġna tar-rapport huma kollha attentat ta’ ġustifikazzjoni biex iwasslu għall-vendikazzjoni politika miegħu u biex jippruvaw jattakkaw lill-Gvern.
Spjega li bħala uman, jinsab muġugħ ħafna b’dak li ġara, iżda mil-lat politiku huwa kburi ta’ dak li għamel.
Akkuża lill-perit li ta l-evalwazzjoni tiegħu għall-artijiet ta’ Gaffarena li kellu kunflitt ta’ interess billi qabel, dan kien ħadem għall-istess Uffiċju tal-Awditur Ġenerali.
Staqsa wkoll kif l-Uffiċju tal-Awditur naqas milli jkompli jagħfas lill-perit Joseph Spiteri li għamel l-evalwazzjonijiet tal-propjetà fi Triq Żekka.
Meta mistoqsi, Michael Falzon qal li filwaqt li qed jikkunsidra l-futur tiegħu, ikkonferma li se jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Laburista u wiegħed lealtà assoluta lejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u lejn il-poplu Malti.