Awdjo: Ir-rakkont ta’ Provinċjal Malti li kien kilometru ‘l bogħod mill-isplużjoni f’Bejrut

Read in English.

Il-Provinċjal tal-Ġiżwiti fil-Lvant Qarib u l-Provinċja tal-Magreb Fr Michael Zammit Mangion qal li bħalissa hemm xena apokaliptika f’Bejrut, ġurnata wara li splużjoni għamlet ħerba fil-kapitali tal-Libanu.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt Fr Zammit Mangion qal li kien kilometru ‘l bogħod mill-maħżen li fih seħħet l-isplużjoni. Malli sema’ l-“istorbju enormi” nxteħet mal-art biex jipproteġi lilu nnifsu f’każ li jkun hemm aktar splużjonijiet.

Għall-ewwel ħaseb li kien hemm xi attakk ta’ karozza bomba fuq wieħed mill-politiċi. Però l-ħoss kien qawwi wisq – qatt ma sema’ xi ħaġa hekk minkejja li għex f’diversi gwerrer. Spjega li saret ħsara mal-Belt kollha u mhux biss fiż-żona l-aktar qrib tal-isplużjoni.

Fil-post fejn jgħix Fr Zammit Mangion inkiser kważi il-ħġieġ kollu. Il-bibien inqalgħu minn posthom u spiċċaw f’biċċiet. Hemm ħġieġ imkisser madwar il-belt. Spjega li s’issa ġie kkonfermat li mietu 100 persuna. Mijiet oħra huma feruti. Qal li l-awtoritajiet jemmnu li dawn iċ-ċifri se jogħlew. Instabu wkoll xi katavri fil-baħar.

Meta kien qed jiddeskrivi l-atmosfera ta’ Bejrut, Fr Zammit Mangion qal li n-nies huma “mitlufin”. Hemm min qed jipprova jnaddaf. Hemm sidien tal-ħwienet għassa mal-istabbilimenti tagħhom biex ma jinsteraq xejn.

Spejga li bħalissa l-isptarijiet ma jistgħux ilaħħqu mal-ammont ta’ pazjenti. Se jkunu qed jinbnew tliet field hospitals biex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jgħinu aktar nies.

Ħaddiema tas-salvataġġ fil-Libanu qattgħu l-lejl ifittxu qalb it-tifrik ifittxu għal aktar persuni wara li splużjoni qawwija heżżet il-belt kapitali Bejrut. Aktar minn 100 persuna tilfu ħajjithom u madwar 4,000 indarbu iżda l-awtoritajiet qed jistennew li dawn in-numri se jikbru.