Awdjo: “Inweġġa’ nara lil Salvini bil-kuruna f’idu” – L-Isqof Grech

Miguela Xuereb

Read in English.

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech stqarr li jweġġa’ jara lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini, bil-kuruna f’idejh.

Mons. Grech kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Fr Joe Borg waqt Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103. Il-preżentatur semma l-intervista li saret mal-Papa mill-gazzetta Taljana La Stampa, dwar il-ħsara tal-ideoloġija tas-sovranità u l-populiżmu, minn nies li jpinġu lilhom infushom bħala nsara.  B’referenza għall-immigrazzjoni, Salvini, bil-kuruna tar-rużarju f’idejh isemmi lil qaddisin patruni tal-Ewropa filwaqt li jinsisti li “rridu naħdmu biex l-invażjoni Iżlamika ma ssirx għax aħna nsara”.

Dwar din il-mentalità, li tinsab f’Malta u Għawdex ukoll, l-Isqof Grech stqarr li min qed juża t-twemmin nisrani biex jiġġustifika dawn l-attitudnijiet, qiegħed jimmanipula r-reliġjon u l-imħuħ.  Iddeskriva dan bħala “sfruttament ċar għax il-Vanġelu jgħid il-kuntrarju”.

Aqra: “Qed jiżdiedu l-barranin f’Malta; tqisuhomx bħala theddida”

Mons. Grech sostna li jibża’ li l-kattoliċi li għandhom din il-viżjoni dejqa, huma kattoliċi li jridu Knisja setta. Fisser li dawn l-elementi, barra u lokali, li jużaw il-Vanġelu, iridu li jwaqqfu l-proċess ta’ tiġdid u ta’ aġġornament li talbet il-Knisja 60 sena ilu.

“Tinkwetawx, ħa ssibuni hemm ukoll” – Il-Papa lill-Isqfijiet

Dwar l-ammont ta’ kummenti insolenti, baxxi u offensivi fuq il-Papa Franġisku meta jaqbeż għall-immigranti, l-Isqof ta’ Għawdex semma aneddotu meta hu u l-Arċisqof Charles Scicluna kienu Ruma, u li meta kienu qed isellmu lil Papa, dan irringrazzjahom tal-kriterji li l-Isqfijiet Maltin ħarġu dwar l-Amoris Laetitia.  Għal dan l-Arċisqof wieġeb “tgħidx kemm bagħtuna l-infern”, bil-Papa jwieġbu biex ma jinkwetax għax xħin imorru hemm, ħa jsibu lilu wkoll.

Salvini, mexxej tal-partit Lega Nord, hu magħruf għall-politika tiegħu kontra l-immigrazzjoni illegali fl-Italja u fl-istati membri tal-Unjoni Ewropea. Huwa kkunsidrat ukoll bħala wieħed mill-mexxejja populisti ewlenin.

Dan l-aħħar, Salvini ta ordni biex l-Open Arms ma jitħalliex jersaq lejn Lampedusa. Madanakollu, il-Ministru għad-Difiża fi ħdan il-partit tal-Ħames Stilel, partit ieħor fil-koalizzjoni tal-Gvern Taljan, irrifjutat li tiffirma l-ordni.  Qalet li wieħed jikser ordni tal-Qorti hija illegali u li l-politika m’għandhiex titlef l-umanità tagħha.

Il-bastimenti, l-Open Arms u l-Ocean Viking, bejniethom għandhom abbord 500 persuna, li ilhom jiem sħaħ bejn sema u ilma.  23 NGO lbieraħ apellaw lill-Gvern Malti biex jagħti eżempju u jiftaħ il-portijiet. Ftit wara l-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli ħeġġeġ lill-awtoritajiet Taljanbi biex iħallu lill-bastiment Open Arms idaħħal lill-immigranti f’Lampedusa.

Aqra: Il-Gvern Malti għandu jagħti eżempju u jiftaħ il-portijiet – 23 NGO

Aqra: Iftħu l-portijiet – Il-PE lit-Taljani