Awdjo: “Inkunu kburin li aħna Maltin” – Marie Louise Colerio Preca

Waqt li għall-aħħar darba indirrizat attività politika tal-Partit Laburista, il-Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Mary Louise Colerio Preca, saħħqet li l-anniversarji li se jiġu ċċelebrati din is-sena, għandhom ikunu opportunità biex il-poplu Malti u Għawdxi jingħaqad bħala poplu wieħed u jwarrab fil-ġenb dak li jifirdu.
Colerio Preca saħqet li l-Indipendenza kienet trijonf nazzjonali li wasslet għal avvenimenti oħra fosthom Jum il-Ħelsien. Iddeskriviet il-31 ta’ Marzu tal-1979 bħala trijonf ieħor fuq mentalità ta’ poplu li kien jemmen li qatt mhu jeħles mill-ħakma barranija.
Kien għalhekk li l-President magħżul saħqet li l-poplu għandu jifhem u jħares kull avveniment storiku bħala ħolqa li wassal għal avveniment ieħor. Għalhekk sostniet li jeħtieġ li l-poplu jibqa’ magħqud biex kif għamel dejjem, jegħleb l-isfidi ġodda.
Fl-aħħarnett appellat lil kull Malti u Għawdxi, hi x’inhi l-età jew il-pożizzjoni tiegħu fis-soċjetà biex jgħolli rasu ‘l fuq u jkun kburi li hu Malti.