Awdjo: “Inħossni mhedded daqs in-nies li naħdem magħhom”

Wara l-attakki suwiċida barra żewġ knejjes fil-Pakistan, is-saċerdot Malti Fr Gerard Bonello, jgħid ma' Newsbook.com.mt li jħossu mhedded daqs Insara oħra fil-Pakistan minħabba t-twemmin tiegħu.
Fr Gerard, li ilu jgħix f'Youhanabad għal dawn l-aħħar ħames snin, qal ma' Newsbook.com.mt li bħalissa s-sitwazzjoni hi kalma, biċ-ċelebrazzjonijiet tal-quddies isiru b'mod normali.
Spjega li l-isplużjonijiet ta' ġimgħa ilu, seħħew madwar 300 metru 'l bogħod minn fejn id-dar tagħhom tal-MSSP, barra knisja Kattolika u barra oħra tal-Anglikani.
Fl-attakk, li sar ftit wara l-omelija fil-knejjes, inqatlu 15-il persuna, fosthom ħaddiema tas-sigurtà.
Kompla jgħid li fil-ħin tal-isplużjonijiet, hu kien id-dar, u meta sema' mar fuq il-post. Fr Gerard qal li fit-triq kien hemm nies feruti u konfużjoni sħiħa.
Dwar il-persekuzzjoni tal-Insara, Fr Gerard sostna li l-Insara fil-Pakistan huma biss ta' 2% fost il-Musulmani, b'uħud mill-Insara li jaf hu ma javvanzawx fix-xogħol minħabba t-twemmin tagħhom.

Qal li f'din is-sitwazzjoni ta' persekuzzjoni, persuna tista' tgħix biss il-ġurnata.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk isibhiex diffiċli biex jipprattika r-reliġjon, Fr Gerard qal li ż-żona fejn jgħixu hi relattivament kwieta meta mqabbla ma' żoni oħra fil-Pakistan.
Fr Gerard temm jgħid li ma jistgħux jaħarbu r-realtà tat-terroriżmu, hekk kif 60% tal-baġit tal-pajjiż imur għall-armamenti.
Fl-20 ta' Marzu sar il-funeral għall-vittmi li mietu fl-attakki tal-15 ta' Marzu, b'nies minn reliġjonijiet differenti ngħaqdu flimkien biex jagħtu l-aħħar tislima.