Awdjo: “Inħalli din il-kariga b’sens kbir ta’ sodisfazzjon li servejt fil-PN” – PBO

Illum f'nofsinhar, għal Paul Borg Olivier tasal fi tmiemha l-kariga tiegħu ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Qal li filwaqt se jkun qed jiddedika aktar ħin lill-familja tiegħu, se jkun qed jirrifletti wkoll dwar l-aħħar ħames snin tal-Partit Nazzjonalista.

Paul Borg Olivier tkellem waqt il-programm “X’Hemm Ġdid” fuq Radju RTK fl-aħħar jum tiegħu bħala Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Dwar din il-ħidma li hu għamel f’din il-kariga f’dawn l-aħħar snin qal li ħallietlu sodisfazzjon kbir.  

Paul Borg Olivier tkellem ukoll dwar ir-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali fejn qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien iktar moħħu fir-riżultati tal-pajjiż u spiċċa biex nesa’ l-ħidma tal-partit. Huwa ddeskriva din l-atitudni bħala “I’m too busy call me later”.   

Tkellem ukoll dwar il-ħatriet mill-Gvern u jġib eżempju bil-V18, fejn qal li hu kien Sindku tal-Belt Valletta u jaf l-eżiġenzi tal-Kapitali imma jistaqsi x’kien jiġri li kieku l-Gvern dakinhar ħatru Chairman ta’ dan il-kumitat.

Mistoqsi dwar il-Proċeduri għal Defeċit Eċċessiv li l-Kummissjoni Ewropea se timponi fuq Malta, Paul Borg Olivier jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat gideb dwar id-Deputat Tonio Fenech meta qal li xewwex lil tal-Fond Monetarju Internazzjonali. 

Paul Borg Olivier awgura suċċess lis-suċċessur tiegħu, li mistenni jkun, Chris Said għal din il-kariga li ddeskriva b’piżijiet kbar.