Awdjo: “Indur il-parroċċi biex ngħin it-tfal bl-awtiżmu”

Giselle Pisani ddur il-parroċċi f’Malta li jkollhom bżonn għajnuna bit-tfal tagħhom li jkollhom l-awtiżmu.

Pisani, li hija waħda mill-membri tal-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu, qalet ma’ Newsbook.com.mt li tagħmel dan ix-xogħol b’mod volontarju u tirrappreżenta lill-Kurja fil-Kunsill Konsultattiv. Spjegat li qed tħejji gwida għal dawk il-katekisti li jkunu qed jgħallmu tfal bl-awtiżmu.

Mistoqsija dwar il-każ riċenti ta’ tifla li ma ngħatatx ċertifikat tas-sagrament tal-Ewwel Tqarbina peress li ma tqarbnitx, Pisani qalet li ma kienetx involuta ħafna fil-każ. Madanakollu, qalet li kien hemm nuqqas ta’ għarfien minn kull parti involuta fil-każ. Spjegat li mhux ċar ta’ min kien it-tort. Però, temmen li dan kien każ iżolat.

Kif jitgħallmu t-tfal bl-awtiżmu?

Spjegat li t-tfal bl-awtiżmu jitgħallmu l-affarijiet meta jarawhom u mhux meta jisimgħu biss. Tissuġġerixxi li jkollhom bżonn gwida bir-ritratti. Żiedet tgħid li r-ritratti jkunu jridu jaqblu ma’ dak li se isibu quddiem wiċċhom fil-verità. Per eżempju, jekk se jkun hemm ritratt tal-artal fil-gwida, ma jistax ikun hemm ritratt ta’ kwalunkwe artal iżda l-artal tal-knisja ta’ fejn se ssir l-quddiesa tat-tifel jew tifla bl-awtiżmu.

It-taħriġ għandu jibda minn qabel

Pisani qalet li l-ġenituri tat-tfal bl-awtiżmu jistgħu jlibbsu l-ilbies speċjali tal-preċett qabel il-ġurnata propja biex jibdew jidrawh. Qalet ukoll li hemm bżonn li t-taħriġ għal dawn l-okkażżjonijiet jibda aktar kmieni. Meta t-tfal jaslu għall-Griżma tal-Isqof spjegat li mbagħad ikun hemm sett ta’ diffikultajiet ġodda. Dan jinkludi wkoll il-fatt li t-tfal ikunu għaddejjin mill-pubertà.

Lezzjoni waħda għas-seminaristi mhix biżżejjed

Pisani qalet li kull sena ssir lezzjoni għas-seminaristi li jkunu fl-aħħar sena tal-kors tagħhom fl-università dwar l-awtiżmu. Saħqet li dan mhux biżżejjed. Pisani qalet li wieħed irid jifhem ukoll li l-Knisja taħdem ħafna b’voluntiera li għandhom ħin limitat. Appellat lil dawk li jaħdmu bħala LSAs biex joffru l-ħin tagħhom b’mod volontarju wara x-xogħol.