Awdjo: In-nies għandhom xewqa li jitilqu wara l-isplużjoni – saċerdot Malti f’Bejrut

beirut

Fr Michael Zammit Mangion, provinċjal Malti li jgħix Bejrut, qal li issa li n-nies qed jippruvaw jerġgħu jqumu fuq saqajhom wara l-isplużjoni li kien hemm fil-belt kapitali tal-Libanu, f’ħafna minnhom qed tinbet ix-xewqa li jitilqu mill-pajjiż u jerħulha lejn l-Ewropa jew l-Amerka.

Il-provinċjal huwa Ġiżwita li ilu jgħix il-Libanu mill-1987 u li jaħdem l-aktar fl-iskejjel. Huwa qal dan waqt intervista li għamillu Jes Saliba fuq il-103 Morning Show fuq 103 Malta’s Heart dalgħodu.

Fr Michael spjega li sas-sena li għaddiet kien hemm in-normalità fil-Libanu, imma mbagħad tul l-aħħar sena seħħew tliet avvenimenti li ħasdu lill-pajjiż: kriżi finanzjarja li faqqgħet f’Ottubru, l-imxija tal-coronavirus minn Marzu ‘l hawn, u mbagħad l-isplużjoni li ġrat f’Awwissu, li fiha mietu mijiet ta’ persuni, u eluf oħra tilfu ħajjithom.

Spjega kif kullimkien tnaddaf, u n-nies qegħdin jibdew isewwu l-affarijiet u l-propjetajiet tagħhom. Iddeskriva, pereżempju, kif tarahom ipoġġu l-ħġieġ ta’ djarhom lura f’postu, madankollu għadhom inkwetati fuq kif se jgħixu, fuq kif se jġibu l-flus biex jieklu. Fosthom, qal il-provinċjal, tirrenja x-xewqa li jemigraw biex ifittxu ħajja aħjar. Dawk li għandhom nazzjonalità oħra diġà qed jagħmlu dan.

Billi Fr Michael huwa involut fl-iskejjel f’Bejrut, huwa ġie mistoqsi fuq is-sitwazzjoni minn dan il-lat.

Qal li llum tħabbar li l-iskejjel pubbliċi se jiftħu fl-aħħar ta’ dan ix-xahar, iżda l-klassijiet se jkunu nofs id-daqs tas-soltu. Din għadhom iridu jaraw kif se taħdem, imma b’mod ġenerali, in-nies huma kuntenti b’din is-sitwazzjoni peress li t-tfal għandhom bżonn l-istabbiltà u s-sigurta. Huwa enfasizza li importanti li t-tfal imorru l-iskola għax għandhom bżonn jiltaqgħu ma’ tfal oħra u jħossu dik il-kalma li toffri l-iskola.

Il-Maltin jistgħu jgħinu lil dawk fil-bżonn il-Libanu billi jżuru s-sit tal-Ġiżwiti minn hawn u jaraw kif jagħtu daqqa t’id minn hemmhekk.