Awdjo: “In-nanniet huma d-depożitu tal-għerf tal-pajjiż”

Fl-okkażjoni ta’ Jum in-Nanniet, l-Isqof Charles J. Scicluna sellem lin-nanniet li ddeskriva bħala d-depożitu tal-għerf tal-pajjiż.
Waqt quddies li ċċelebra f’Santa Venera, l-Isqof Awżiljarju qal li għalkemm in-nanniet huma maturi fl-età, huma dejjem ikollhom l-enerġija li jkomplu man-neputijiet tagħhom.
Żied jgħid li s-sodisfazzjon hu li jaraw il-ġenerazzjoni l-ġdida tikber filwaqt li jagħtu l-għajnuna lill-uliedhom, hekk kif dawn għandhom rwol essenzjali fil-ħajja tagħhom.
Irrefera għad-diskors tal-Papa Franġisku fejn qal li “meta ulied uliedkom ittihom il-grazzja li jkunu fix-xemx tal-imħabba tan-nanniet, tkun qed ittihom ċans jingħaqdu mal-egħruq tas-siġra li huwa ktieb miftuħ ta’ għerf”.
Fortunatament, iċ-ċokon tal-gżejjer Maltin jippermetti li jgawdu l-familja, u fi kliem l-Isqof persuna għandha tgħożż dan ir-rigal.
Kompla jgħid li n-nanniet ma jabbandunawx lill-uliedhom f’mumenti diffiċli, u xi drabi jitgħabbew bil-piż ekonomiku tal-familji ta’ uliedhom.
Qal li n-nanniet għandhom il-grazzja li jikkoreġu mingħajr ma’ jieħdu għalihom in-neputijiet, u li dejjem ikunu preżenti kemm f’mumenti ta’ ferħ kif ukoll f’ta’ niket.
L-Isqof Charles J Scicluna temm l-omelija tiegħu billi fakkar lil dawk preżenti fir-raba’ kmandament ‘Weġġah lil missierek u 'l ommok’, li jfisser li n-nanniet ukoll m’għandhomx ikunu abbandunati, anke meta f’għajnejna ma jibqgħux “utli” jew jinsabu f’qiegħ ta’ sodda.
Preżenti għal quddiesa kien hemm il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.