Awdjo: Imxi, iġri jew aqdef għal Caritas

Nhar il-Ħadd li ġej, għat-tieni sena konsekuttiva se tkun qed tittella’ edizzjoni oħra ta' ‘Caritas Trail’.

B’differenza mill-edizzjoni tas-sena li għaddiet ta' ‘Caritas Trail’, parteċipanti li din is-sena se jkunu qed jimxu, jiġru jew isuqu r-rota, ilkoll se jiltaqgħu fl-istess post u fl-istess ħin u jsegwu rotot differenti bil-punt tal-wasla jkun fiċ-ċentru ta’ San Blas li Caritas għandha fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ.
Għall-okkażjoni, dan iċ-Ċentru se jkun miftuħ għall-pubbliku sabiex wieħed iżur il-faċilitajiet li Caritas toffri għall-persuni li jkunu qed isegwu programm ta' riabilitazzjoni mid-droga.
Ir-rotot ivarjaw skont it-tip ta' eżerċizzju li wieħed ikun se jipparteċipa fih. Rotta ta' 5km għal min se jimxi, 8km għal dawk li se jiġru u 19km għaċ-ċiklisti.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ Marica Mizzi, kelliema għal Caritas Malta li minn naħa tagħha spjegat il-lat organizzattiv ta’ din it-tieni edizzjoni ta’ ‘Caritas Trail’.
Reġistrazzjoni sabiex wieħed jipparteċipa, qed issir mis-sit ooii.com jew mill-fergħat kollha tal-Maltapost għal donazzjoni ta’ €10. Caritas Trail trail qed tittella’ bil-kollaborazzjoni ta’ Bank of Valletta.