Awdjo: Imressqa white paper għal riforma tal-liġijiet dwar id-droga

Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici nieda uffiċjalment il-white paper dwar ir-riforma tal-liġijiet dwar id-drogi tal-abbuż.
Il-Ministru Bonnici qal li permezz tat-tibdil fil-liġi irridu mmorru għas-sitwazzjoni fejn insaħħu l-għajnuna lill-vittmi u neqirdu lil dawk li jitraffikaw id-droga.
Sostna li għall-vittmi tad-droga l-aħjar ħaġa hija li tingħata l-għajnuna u mhux sentenza ta’ priġunerija, filwat li saħaq li mhux minnu li l-Gvern huwa favur id-drogi illegali.
Għalhekk qal li l-enfasi m’għandhix tibqa’ fuq il-kastig imma fuq ir-rijabilitazzjoni.
Meta ssemmiet din il-proposta tal-Gvern, l-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna kien sfida lill-politiċi jiċħdu li b’din il-liġi se jkunu qed jaqdu lill-barunijiet.
Newsbook.com.mt staqsa lill-Ministru Bonnici dwar il-pożizzjoni tiegħu fejn sostna li diġa tkellem mal-Isqof Scicluna u li l-Knisja għenet bosta nies biex ħarġu mill-vizzju tad-droga.
Il-white paper hija mqassma fuq tliet prinċipji, li d-droga llegali hija xi ħaġa essenzjalment ħażina, li l-użu personali tad-droga tal-abbuż għandu jiġi kkunsidrat bħala problema tas-saħħa u problema soċjali u mhux biss kriminali u li l-liġi tagħti sentenzi proporzjonali għar-reati tad-droga llegali.
Hawnhekk Newsbook.com.mt staqsa għaliex il-Gvern qed imur għad-dekriminaliżazzjoni tad-droga meta fl-Ewrobarometru, 58% tal-Maltin jemmnu li l-Kannabis għandha tibqa’ llegali filwaqt li 90% jemmnu li l-kokaina u l-eroina għandhom jibqgħu illegali.
Il-Ministru Bonnici qal l-Gvern se jsaħħaħ l-għajnuna lill-vittmi tad-droga.
Il-liġi kif imressqa fil-white paper hija simili għall-mod kif imħaddem fil-Portugall fejn persuna li tinqabad bid-droga għall-użu personali se tingħata twissija formali mill-Kummissarju għall-Ġustizzja, li se jiġi maħtur.
Skont il-każ, il-Kummissarju jiddeċiedi jekk jagħtix twissija, multa jew jirreferi l-każ lill-bord apposta speċjalizzat.
Dak li jingħad quddiem dan il-bord ma jistax jintuża kontra l-istess persuna bħala prova.
Persuna li tinqabad għal aktar minn darba, tibda tidher quddiem il-bord awtomatikament.
Qed issir eċċezzjoni fil-każ tal-Kannabis fejn min jinqabad jidher quddiem il-Kummissarju biss.
Il-white paper se tkun miftuħa għall-konsultazzjoni bejn il-15 ta’ Lulju u l-15 ta’ Settembru li ġej, bl-abbozz jiġi ppubblikat u mressaq quddiem il-Parlament qabel l-aħħar tas-sena.