Awdjo: Importanti li f’pandemija l-midja tingħata r-riżorsi – Dr Gege Gatt

media

Read in English.

Huwa importanti li f’pandemija l-midja tingħata r-riżorsi, skont Dr Gege Gatt.

Gatt qal dan waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103. Ġie intervistat minn Fr Joe Borg.

Iċ-Chairperson ta’ Beacon Media Group Dr Gege Gatt qal li l-Gvern għandu jgħati aktar għajnuna lil dawk li jipprovdu servizzi tal-midja. Fil-fehma tiegħu, il-Gvern m’għandux jigverna abbażi tan-NAICS codes – tabella li fiha kull xogħol jingħata numru.

Is-sit Newsbook.com.mt u l-istazzjon tar-radju 103 jaqgħu taħt Beacon Media Group.

Gatt qal li mhuwiex faċli biex wieħed jagħmel definizzjoni ta’ x’inhi l-midja.

“Fl-opinjoni tiegħi l-midja għandha tgħaddi minn test doppju. L-ewwel li jkollha pubblikazzjoni u t-tieni li l-persuna jew entità, l-okkupazzjoni prinċipali tagħha tkun dik il-pubblikazzjoni,” qal Dr Gatt.

Skont Gatt, l-organizzazzjonijiet tal-midja qed jaqgħu taħt “Annex B” tal-Gvern li tagħti rifużjonijiet parzjali tal-pagi sa massimu ta’ €800. Hemm ukoll xi vantaġġi biex jisselfu u li t-taxxa tiġi posposta.

Fi kliem Gatt, il-probabbilità hi li ħafna organizzazzjonijiet tal-midja mhux qed jagħmlu qligħ.

Gatt tkellem dwar l-importanza tal-midja fis-soċjetà. Qal li l-midja tiffaċilità d-djalogu nazzjonali. Qal li ċ-ċittadini jiffurmaw l-opinjonijiet tagħhom u jisimgħu opinjonijiet differenti fuq mezzi tal-midja differenti. Apparti mill-informazzjoni li wieħed jieħu mill-midja hemm ukoll id-divertiment.

Gatt qal li ċ-ċittadini mbagħad jieħdu deċiżjonijiet infurmati abbażi tal-pluralità. 

Qal li huwa important li wieħed ma jagħmilx biss argument ekonomiku imma li wieħed jifhem l-impatt li l-midja jkollha fuq is-soċjetà kollha.

Saħaq li f’mumenti bħal dawn ta’ pandemija l-midja tingħata r-riżorsi biex tibqa’ taħdem. Qal li l-qarrejja u s-semmigħa jfitxu sorsi ta’ informazzjoni kredibbli.

Qal ukoll li l-midja żżid ir-responsabbilità u s-sensibilità tal-Gvern meta tagħti vuċi lil min huwa dgħajjef fis-soċjetà.

Chris Mifsud id-direttur tal-MPS, waħda mill-kumpaniji ewlenin fil-qasam tal-komunikazzjoni f’Malta, qal fuq 103 Malta’s Heart li l-industriji tal-qasam tal-komunikazzjoni u media mhux se jkunu qed jiġu mgħejjuna biżżejjed mill-miżuri li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela t-Tlieta filgħaxija. F’isem 60 kumpanija fil-qasam tal-media Mifsud qal li dawn għandhom jitqiesu fil-kategorija tal-industriji l-aktar milquta ħażin mill-coronavirus u jingħataw l-ogħla livell ta’ għajnuna. Beacon Media Group hija waħda minn dawk is-60 kumpanija.