Awdjo: Imniedi l-Qormi Business Forum

Fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi nieda l-Qormi Business Forum, bil-għan li aktar intrapriżi żgħar u medji jingħataw l-għajnuna kollha possibbli biex jikbru u jkollhom aktar aċċess għall-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Edward Zammit Lewis saħaq li inizjattivi ta’ din ix-xorta jgħinu sabiex jinħolqu aktar postijiet tax-xogħol u jiżdied il-kummerċ.

Huwa qal li għad hawn nuqqas ta’ informazzjoni fost in-negozjati dwar il-fondi Ewropej u l-inċentivi li joffri l-Gvern.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar is-sehem tal-Kunsill fit-tkabbir tal-intrapriżi, Zammit Lewis qal li l-Kunsilli għandhom aċċess iktar wiesa’ lejn ir-residenti. 

Is-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis qal li mezz effettiv kif jikber il-kummerċ huwa l-informatika u għalhekk in-negozjati m'għandhomx jibżaw mid-dinja globaliżżata. 

Is-Sindku Rosianne Cutajar qalet li f’Ħal Qormi hemm 890 negozju liċenzjat u għalhekk il-Kunsill Lokali se jkun wieħed li jaħdem favur in-negozju.

Fl-istess waqt se jkun impenjat li jħares l-interessi tar-residenti, l-ambjent u l-parkeġġ.  

 

Ritratt: Jeremy Wonnacott