Awdjo: “Ilni ngħid li kellha titneħħa l-ikla sħuna fuq l-ajruplan, imma…”

Il-kok veteran Anton B. Dougall jilqa’ d-deċiżjoni tal-Air Malta li minflok ikla sħuna qed isservi baguettes waqt it-titjiriet tagħha. Madanakollu sostna li l-baguette jrid ikun frisk u jqarmeċ.  
Ma’ Newsbook.com.mt, Dougall qal li ilu jgħid li l-Air Malta għandha tneħħi l-ikel, imma jekk se tagħti bezzun għandu jkun tajjeb.” Saħaq li importanti li jkun ta’ daqs diċenti, mhux inqas minn 20 ċentimetru. Żied jgħid li dak li qed jingħata fuq it-titjiriet hu breakfast roll u mhux baguette.
Anton B. Dougall spjega li t-titjiriet tal-Air Malta huma kollha ta’ madwar tliet sigħat u għaldaqstant mhux meħtieġ li l-passiġġieri jingħataw ikla sħuna.
Irrakkonta kif riċentament kien fuq titjira tal-Air Malta minn Londra u “ngħatajna dak li suppost kien ravjul”, mingħajr ma kellu għażla li jieħu xi ħaġa oħra.  Saħaq li dan mhux ikel adattat għal fuq ajruplan.  “Nippreferi baguette jew bezzun għax inserraħ rasi mit-temperaturi ta’ kif suppost jisserva l-ikel”.
Irrefera għal dak li kitbet persuna fuq Facebook, li waqt it-titjira ngħatat bezzun bit-tonn taż-żejt. Qal li minkejja li dan jogħġbu, ma jaqbilx li jittiekel wara li jkun ilu li tlesta xi ħames sigħat.
Dougall qal li siefer diversi drabi ma’ linja tal-ajru Żvizzera li ilha żmien isservi baguettes friski fuq titjiriet qosra. Spjega li l-baguette jkun frisk, iqarmeċ u kważi sħun, u jkun hemm ukoll għażla. Jissuġġerixxi li fuq titjira tal-Air Malta jkun hemm għażla ta’ tliet baguettes b’mili differenti.
Saħaq li d-deċiżjoni tal-Air Malta kienet iebsa u għalhekk hu importanti li tkun issalvagwardjata. Il-kok veteran spjega li l-volum hu kbir, ta’ madwar 2 miljun baguette fis-sena u għaldaqstant il-purchasing power hu kbir ukoll. Spjega li l-kuntrattur jista’ jixtri prodotti ta’ kwalità biex il-prodott ikun diċenti.
Qal li l-iżball hu li meta jingħataw dawn il-kuntratti, ma jkunx hemm superviżjoni fejn jiġi kkonfermat li jingħata dak li jkun ġie ordnat. Sostna li ma jaħsibx li ‘l-ftehim hu dak li qed jidher fir-ritratti’.
Temm jgħid li t-tfaddil ta’ €4 miljun huwa importanti, imma l-Air Malta ma tista’ tħalli lil ħadd b’nuqqas ta’ negliġenza jew xeħħa, itellef aktar flus lil-linja tal-ajru nazzjonali.