Awdjo: “Ilni li tlabt lis-Segretarju Ġenerali għal laqgħa” – President Eżekuttiv PN

Il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista (PN) Mark Anthony Sammut qal li s-sitwazzjoni preżenti fil-partit tqanqal tħassib u ilu li talab lis-Segretarju Ġenerali tal-PN għal laqgħa. Il-Membru Parlamentari u President tal-Kumitat Amministrattiv tal-PN David Stellini qal li hemm bżonn laqgħa urġenti. Huma qalu dan dal meta kienu qed jitkellmu ma Newsbook.com.mt fl-isfond ta’ messagg li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia bagħat kmieni filgħodu. Il-messaġġ intbagħat fuq WhatsApp lill-kunsill amministrattiv tal-PN. F’dan il-messaġġ spikkaw l-analoġiji dwar ‘gwerra’, ‘merċenarji’, ‘gwerriera’ u ‘tradituri’.
Sammut talab laqgħa mas-Segretarju Ġenerali Puli

Fil-kummenti tiegħu Sammut qal li ma jaħsbix li messaġġ ta’ kap ta’ partit lill-membri tiegħu għandu jkun ‘…li jrid jibda xi gwerra’.

Ma’ Newsbook.com.mt, Mark Anthony Sammut qal li ċertu kwistjonijiet għandhom jiġu diskussi fl-organi interni tal-PN mingħajr ħafna messaġġi bħal dawk li bagħat Delia.

“Ma nafx għalfejn bagħat il-messaġġ b’dak il-mod” sostna Sammut li qal li għadu ma kellimx lil Delia dwaru. Sammut żied jgħid li jistenna li Delia jiltaqa’ mal-uffiċjali tal-PN dwar biex jiġi diskuss dak kollu li qed jiġri.

Sammut riċentament talab lis-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli biex jiddiskutu l-aħħar kwistjonijiet li nqalgħu fil-PN. Żied li għadu qed jistenna risposta mingħandu.

Fi kliem Sammut, il-PN m’għandux jinjora dak li qed jiġri bħal li kieku mhux qed jagħti każ ir-realtà. Qal li ‘kulħadd’ huwa konxju tal-allegazzjonijiet u tal-filmati li qed jiċċirkolaw dwar Delia.

“L-interess tal-PN mhuwiex f’dak li jkun għaddej fil-familja, imma meta jsiru affarijiet b’mod pubbliku bħal dan, ovjament il-partit ikun qed jintlaqat.”

Sammut qal li mhuwiex il-kompetu tiegħu li jivverifika jekk l-allegazzjonijiet li qed jiffaċċja Delia humiex veri jew le. Qal li ħafna membri tal-PN mhux qed iħossu affarijiet sbieħ. Qal li d-demotivazzjoni fost il-membri qed tinħass.

“Inkwetat ħafna” – Stellini

Il-Membru Parlamentari u President tal-Kumitat Amministrattiv tal-PN David Stellini qal li jinsab “inkwetat ħafna” b’dak li qed jiġri fil-PN. Iddeskriva s-sitwazzjoni bħala “urġenti”. Huwa wera l-fehma li l-affarijiet li qed iduru fuq WhatsApp qed jikkumplikaw l-affarijiet.

Ma’ Newsbook.com.mt Stellini qal li l-organi kollha tal-PN għandhom jiddiskutu l-kwistjonijiet li nqalgħu fil-PN.

Dwar il-messaġġ ta’ Delia, Stellini qal li ma jaqbilx li xi ħadd jagħmel leak ta’ konverżazzjonijiet privati u joħroġhom fil-pubbliku.

Stellini tkellem dwar kif hemm bżonn li l-kandidati u l-attivisti fil-PN jafdaw aktar lil xulxin “għax mingħajr fiduċja ma tistax timxi ‘l quddiem”.

Stellini qal li jixtieq li l-Kunsill Amministrattiv jitlaqqa’ bil-kunsens ta’ kulħadd. Qal li mhux qed jeskludi li ssir laqa’ fil-jiem li ġejjin.

“Id-diviżjoni fil-partit qed tikber u mhux qed tonqos. L-ewwel ħaġa li hemm bżonn huwa partit magħqud. Mexxej wieħed b’partit kollu warajh. L-għaqda mhux biss mhux qiegħda hemm imma l-affarijiet sejrin għall-agħar.”

Madanakollu, Stellini qal li l-kwistjonijiet kurrenti ‘mhumiex kollha’ t-tort ta’ Delia iżda hemm numru ta’ fatturi oħra.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-messaġġ li bagħat fuq WhatsApp fejn għamel referenza għal “gwerra” huwa kien qed jirreferi għat-taqtiegħa elettorali li l-Partit Nazzjonalista qed jissielet fil-kuntest Ewropew. Huwa qal li dan il-messaġġ sar bl-intenzjoni li jagħmel kuraġġ lill-membri tal-PN.