Awdjo: Illum iħalli Malta l-grupp ta’ ċiklisti tal-Lifecycle

Illum kmieni waranofsinhar se jħalli Malta l-grupp ta’ ċiklisti li se jkunu qed jieħdu sehem fil-maratona ta’ din is-sena ta’ Lifecycle. Din is-sena r-rotta se tibda f’Belarus u tispiċċa fir-Russja.

Dalgħodu Newsbook ħa l-kummenti ta’ wieħed miċ-ċiklisti fil-Lifecycle, Robert Zammit li qalilna li se jkun qed jieħu sehem f’din l-attività għal ħames darba.

Robert Zammit qal li bħalissa kulħadd ikun qed jippakkja l-affarijiet personali tiegħu u li kulħadd jinsab determinat għal din l-isfida. Qal li l-aktar li jkunu eċitati qabel sfida bħal din, huma ċ-ċiklisti li jkunu se jieħdu sehem għall-ewwel darba.

Iċ-ċiklist Robert Zammit kompla jgħid li t-temperatura li se jaqdfu fiha se tkun dik ta’ madwar 22 grad celsius iżda semma kif l-akbar diffikultà se tkun l-art imħarbta li se jsibu fil-parti l-kbira tar-rotta tagħhom, li b’kollox se tkopri 2,000 kilometru.

Huwa tkellem ukoll dwar l-għan ewlieni wara l-Lifecycle li huwa l-ġbir ta’ fondi għar-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei. Spjega li din is-sena se jinġabru fondi għal żewġ proġetti speċjali.

Ir-rotta tal-Lifecycle ta’ din is-sena hija mifruxa fuq għaxart ijiem.

Donazzjonijiet jistgħu jingħataw online permezz tas-sit elettroniku www.lifecyclechallenge.com