Awdjo: ‘Ilhom jiġru warajja biex nkun Chairman tal-AD’ – Carmel Cacopardo

Il-Perit Carmel Cacopardo, li fl-aħħar sena serva bħala viċi-chairman tal-Alternattiva Demokratika, qal li diversi esponenti tal-AD ilhom 5 snin jiġru warajh biex ikun ic-Chairman li jmiss tal-Alternattiva.

Iżda f’kummenti li ta lil Newsbook, Cacopardo qal li filwaqt li japprezza dan jippreferi lil xi ħadd iżgħar.

Cacopardo, li fil-passat serva wkoll bħala President tal-PN, sostna li hu mhux se jwarrab mill-politika iżda se jagħmel il-wisa’ għal demm ġdid biex l-Alternattiva tkompli tikber.

Spekulazzjonijiet fuq it-tmexxija ġdida tal-AD bdew meta Michael Briguglio ħabbar li ma kienx se jerġa jikkontesta din il-kariga darb’oħra.

Meta mistoqsi fuq ir-riżultat elettorali li kisbet l-Alternattiva, qal li kien sodisfatt iżda saħaq li hemm bżonn li l-Partit ikompli jtejjeb fuqu.

Hu temm jgħid li f’dan il-mument ta’ tranżizzjoni se jgħin fl-interess tal-partit sakemm il-membri jagħtu mandat għal tmexxija ġdida.