Awdjo: Il-Whips joħorġu l-frosta għal xulxin

Il-Whip tal-Oppożizzjoni, David Agius, qal li hu ċar li mhux kulħadd fil-Gvern huwa komdu bid-dibattitu li se jkun qed isir illejla fil-Parlament dwar l-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Iżda l-Whip tal-Gvern, Byron Camilleri, ċaħad dan u qal li l-Grupp Parlamentari kollu se jkun magħqud u komdu biex jiddiskuti s-suġġett, inkluż il-Prim Ministru.
Ma’ Newsbook.com.mt David Agius qal li kieku kien komdu, il-Gvern kien jiddeċiedi li jiddiskuti dan nhar it-Tnejn li għadda, meta l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni b’urġenza. Min-naħa tiegħu, Byron Camilleri qal li hu u l-Gvern qatt ma opponew din il-mozzjoni, iżda li kienu qed jimxu biss mar-ruling tal-Ispeaker.
Il-Whip Nazzjonalista kompla ma’ dak li rrappurtat Il-Mument ilbieraħ, jiġifieri li d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne “sfida” lil Joseph Muscat meta waqt il-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra qal li l-Gvern lest li jiddiskuti l-mozzjoni. Dan kien miċħud minn Byron Camilleri li skontu kien hemm diskussjoni qabel il-Kumitat u li ħadd ma qabad u ddeċieda dak li ried.
Byron Camilleri jgħid li llejla l-Parlament mhux se jiddiskuti l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni
Il-Whip tal-Gvern saħaq ukoll li llejla l-Parlament mhux se jiddiskuti l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, għax fi kliemu l-Kap tal-Oppożizzjoni ried li jiddiskuti r-riżenji tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali. Saħaq li llejla l-Parlament se jiddiskuti t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-pajjiż u kif, fi kliemu, fl-aħħar erba’ snin, issaħħet is-Saltna tad-Dritt.
Iddeskriva dak li għamlet l-Oppożizzjoni bħal-lum ġimgħa, bħala “media stunt,” għax qal illi kieku l-Oppożizzjoni riedet vera tiddiskuti l-istituzzjonijiet, kienet taċċetta minnufih waqt il-Kumitat, iżda kompla jispjega li l-Whip tal-Oppożizzjoni talab li l-ewwel jiddiskuti mal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
David Agius jgħid li llejla l-Oppożizzjoni se tippreżenta pjanijiet u proposti konkreti
Min-naħa tiegħu, David Agius qal li llejla l-Oppożizzjoni se tkun qed tippreżenta pjanijiet u proposti konkreti dwar kif jistgħu jissaħħu l-istituzzjonijiet u se tkun qed tipproponi wkoll li jkun hemm żmien stipulat biex iseħħu t-tibdiliet proposti.
Qal li l-fatt li llejla mhux se jittieħed vot, ifisser li ż-żewġ naħat tal-Kamra lesti li jaħdmu flimkien u li l-Parlament jista’ juri li kapaċi jqum għal din is-sitwazzjoni u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma jkunx sar għalxejn.
Min-naħa tiegħu, Camilleri qal li l-Gvern lest li jaħdem mal-Oppożizzjoni biss jekk il-ftehim ikun wieħed ġust u li jagħmel sens.
Min se jitkellem illejla fil-Parlament?
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li llejla min-naħa tal-Oppożizzjoni se jkun qed jitkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, iż-żewġ Viċi-Kapijiet Beppe Fenech Adami u Mario de Marco, Deputat tal-Partit Demokratiku u l-Eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Intant, il-Grupp Parlamentari Laburista mistenni jiltaqa’ fil-ħin li ġej biex jiddiskuti d-dibattitu tal-lejla u anke min se jkunu l-kelliema.
Newsbook.com.mt se jżommok aġġornat minuta b'minuta dwar dak li jkun għaddej fil-Kamra tar-Rappreżentanti llejla.

Ritratt: Ian Noel Pace