Awdjo: “Il-vot ta’ nhar l-Erbgħa huwa f’idi” – Edwin Vassallo

Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo insista li nhar l-Erbgħa li ġej, meta jittieħed il-vot finali dwar l-abbozz li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ, il-vot se jkun f'idu u li se jieħu l-aħjar deċiżjoni biex fil-futur jibqa’ jiġġieled “dawn il-gwerer.”
"Jien Nisrani qabel jien Nazzjonalist"
Ma’ Newsbook.com.mt, Vassallo qal li se jibqa’ jżomm mal-valuri tiegħu, għax fi kliemu hu Nisrani qabel hu Nazzjonalist u saħaq li l-Partit Nazzjonalista għandu jistaqsi lilu nnifsu għaliex ma tħalliex li jkun hemm vot ħieles dwar dan l-abbozz.
Dalgħodu, The Malta Independent irrappurtat li , Edwin Vassallo se jkun sfurzat jivvota favur mal-bqija tal-Oppożizzjoni. Dan wara li nhar l-Erbgħa li għadda, Vassallo vvota kontra l-bqija tal-Oppożizzjoni.
Apparti minn hekk, kelliem għall-Partit Nazzjonalista qal ma’ The Times of Malta li wara l-vot ta’ nhar l-Erbgħa, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jiddeċiedi dwar jekk hux se jieħu passi fil-konfront ta’ Edwin Vassallo.
“L-ebda Gvern ma għandu jbagħbas mal-ħajja”
Mistoqsi jirreaġixxi, Vassallo qal ma’ Newsbook.com.mt, li jibqa’ dejjem jemmen fuq dak li tkellem dwaru nhar l-Erbgħa u li se jibqa’ jiddefendi dak li qal fil-Parlament, jiġifieri li l-ebda Gvern ma għandu jbagħbas mal-ħajja.
Kif għamel fil-Parlament, id-Deputat spjega li hu mhux kontra l-kunċett tal-liġi, jiġifieri ż-żwieġ gay, imma kontra l-kontenut tal-liġi li fi kliemu “jiftaħ t-triq biex għada pitgħada l-Gvern ikun jista’ jbagħbas mad-dritt tal-ħajja.”
"Inġust li l-Gvern u l-Oppożizzjoni se jibqgħu jimponu ruħhom"
Dwar il-kunċett tal-vot ħieles, Vassallo qal li huwa inġust li l-Gvern u anke l-Oppożizzjoni jibqgħu jimponu ruħhom.
Fakkar li meta fil-Ġermanja, il-ġimgħa li għaddiet, il-Parlament ivvota fuq iż-żwieġ gay, li fi kliemu l-liġi kienet ta’ natura inqas kontroversjali mill-emendi li qed iressaq il-Gvern Malti, tant kemm jirrispettaw il-libertà u d-demokrazija li taw il-vot ħieles.
“Il-partiti politiċi f’Malta ma jirrispettawx id-demokrazija u l-libertà,” qal Vassallo.
“Nhar il-Erbgħa se nagħmel il-kontijiet mal-kuxjenza tiegħi”
Kompla jgħid li hu ħass li l-vot ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, kien wieħed ta’ kuxjenza u allura ħa r-responsabbilità li jmur kontra r-rieda tal-Whip tal-Grupp Parlamentari u jiddefendi l-valuri li jemmen fihom.
“Nhar l-Erbgħa se nagħmel il-kontijiet mal-kuxjenza tiegħi u ma’ dak li hu l-aħjar għall-pajjiż,” saħaq id-Deputat u li lest joqgħod għal kull dixxiplina li l-partit jiddeċiedi fil-konfront tiegħu.
“Deputat għandu dejjem jimxi mad-deċiżjoni tal-grupp parlamentari” – David Agius
Intant Newsbook.com.mt tkellem ukoll mal-Whip tal-Oppożizzjoni, David Agius li insista li ladarba Deputat huwa parti minn grupp parlamentari, dejjem għandu jimxi ma’ dak li jkun deċiż fl-istess grupp.
Qal li hemm ċirkostanzi li huma differenti minn oħrajn, imma nsista li wieħed għandu dejjem jimxi mal-“ordni” tal-grupp parlamentari.
Mistoqsi jikkonferma dak li qal kelliem tal-Partit Nazzjonalista ma’ The Times of Malta, jiġifieri li l-Partit Nazzjonalista se jiddeċiedi hux se jieħu azzjoni dwar Edwin Vassallo, Agius qal li joqgħod biss fuq dak li jintqal fil-laqgħat uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista u “mhux fuq dak li jintqal minn xi ħadd.”
Intant Newsbook.com.mt tkellem mad-Deputat Robert Cutajar li qabel jikkummenta dwar il-vot ta’ nhar il-Erbgħa se jkun qed jistenna l-eżitu tal-kumitat Parlamentari li tlaqqa’ llum waranofsinhar u l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN illejla.
Nhar il-Erbgħa, Cutajar qal li kien se jivvota favur l-abbozz, imma mhux jintrabat li jagħmel hekk 'il quddiem jekk il-Gvern jibqa' ma jagħtix widen għall-emendi li se tressaq l-Oppożizzjoni.
Appella lill-Gvern biex ma jgħaġġilx u bħalma sar f'diskussjonijiet oħra, fosthom tal-Morning After Pill u l-ewtanasja, ikun hemm diskussjoni quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet tal-Familja u dak għall-Affarijiet Soċjali.
L-intervisti sħaħ se jixxandru waqt il-programm Newsline, ta' għada s-Sibt, bejn l-10am u nofsinhar fuq Radju RTK.