Awdjo: “Il-Vanġelu hu l-verità, it-triq u l-ħajja” – Patri Raniero Cantalamessa

Patri Raniero Cantalamessa, Franġiskan Kapuċċin mill-Italja, qal li l-Kristjani għandhom jgħixu skont il-Vanġelu u juru lid-dinja t-tifsira veru u sabiħa tal-ħajja Kristjana.
F’intervista li kellu ma’ Newsbook.com.mt, qal li bħalissa qed ngħixu f’dinja post-Kristjana, fejn il-Kristjani huma fil-minoranza. Spjega l-importanza tal-Vanġelu għaliex huwa l-verità, it-triq u l-ħajja.
Skont Patri Cantalamessa, l-ikbar sterjotip li taffaċja l-Knisja hi meta l-kelmiet “Knisja” u “Vatikan” jintużaw bħala sinonimi, meta fir-realtà huma żewġ affarijiet differenti. Meta wieħed jagħmel hekk, hu jkun qed iwarrab l-essenza tal-Knisja, li hija l-Ġisem ta’ Kristu.
Barra minn hekk, qal ukoll li ħafna drabi l-midja tiġġudika lill-Knisja bi stil politiku, mingħajr ma tipprova turi l-affarijiet kif eżattament huma.
Patri Cantalamessa sostna li d-differenza ewlenija bejn Papa Benedittu XVI u Papa Franġisku hija d-differenza fl-istil li jużaw biex iwasslu l-messaġġ tal-Knisja. Filwaqt li l-istil ta’ Papa Benedittu XVI hu wieħed dottrinali u maġisterjali, b’diskors sofistikat, strutturat u elaborat, l-istil ta’ Papa Franġisku hu wieħed pastorali.
Il-metodu ta’ tagħlim ta’ Papa Benedittu XVI jista’ jitqabbel mal-istil li juża San Pawl filwaqt li l-metodu li juża’ Papa Franġisku jixbaħ iktar l-istil ta’ Ġesù, fejn diversi drabi juża’ stejjer u parabboli biex jispjega t-tagħlim tal-Vanġelu.
Patri Cantalamessa, li s-sena l-oħra ġie ddikkjarat Predikatur tal-Papa minn Papa Franġisku, bħalissa jinsab f’Malta għal żjara ta’ ġimgħa.
Għada, nhar il-Ħadd, 25 ta' Mejju fid-9.00 ta' filgħodu, Patri Cantalamessa se jkun qed imexxi laqgħa mitfuħa għal kulħadd. Din se ssir fl-Auditorium tal-iskola Santa Agata, ir-Rabat.