Awdjo: Il-qtates tal-eremita li miet isibu familja ġdida

Il-qtates li kien jieħu ħsieb Joe Vella, l-eremita li kien jgħix f’Għajn Tuffieħa, sabu min jagħtihom l-ikel, ix-xorb, il-kura u l-imħabba anke wara mewtu.
Joe Vella li miet ix-xahar li għadda u li diversi persuni li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt iddeskrivewh bħala bniedem kuntent, mimli bl-hena u b’qalb kbira, kien jieħu ħsieb madwar 30 qattus li jiġġerrew fl-inħawi.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, id-direttur tal-Animal Welfare Joseph Vella, qal li r-rapport dwar il-qtates wasal għand l-organizzazzjoni tliet ġimgħat ilu u mill-ewwel ittieħdu l-passi biex il-qtates ikollhom minn jieħu ħsiebhom.
Id-Direttur tal-Animal Welfare qal li wħud mill-qtates kienu morda bil-cat flu u ttieħdu mill-ambulanza tal-annimali fiċ-Ċentru San Franġisk.
L-Animal Welfare għamlet ukoll arranġamenti mal-Park tal-Majjistral biex il-qtates li għadhom jgħixu fl-akwati jingħataw jieklu b’mod regolari.
Intant, wara li qraw l-istorja ta’ Newsbook.com.mt dwar il-mewt tal-eremita, diversi persuni kkuntatjawna biex jistaqsu fejn kien joqgħod biex imorru jieħdu ħsieb il-qtates.