Awdjo: Il-Qriema jirnexxilhom isalvaw mill-għargħar!

Tista’ tgħid li l-Qriema issa jistgħu jorqdu b’rashom mistrieħa. Wara l-ewwel maltemp tal-ħarifa, reġgħet infetħet it-triq prinċipali ta’ Wied is-Sewda, li kienet ilha ftit aktar minn sena magħluqa minħabba l-proġett ta’ kontra l-għargħar.
Il-proġett diġà taffa ħafna milll-inkwiet tar-residenti hekk kif sa ftit xhur ilu, l-ilma fil-wied kien ilaħħaq il-metru u nofs, b’konsegwenza li jidħol fid-djar u fil-garaxxijiet.
Il-proġett li jiswa €52 miljun u kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea jinkludi mini taħt l-art twal 16-il kilometru b’dijametru ta’ 3 metri. 
Il-proġett mistenni jtaffi l-ilma fi 12-il lokalitajiet: Ħal Balzan, Ħal Lija, Ħ’Attard, l-Iklin, Birkirkara, il-Gżira, l-Imsida, Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, il-Marsa, Ħaż-Żabbar u Wied il-Għajn.
Is-Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar qed tittama li bil-wied miftuħ, se jonqos ukoll l-ammont kbir ta’ traffiku li kien qed jinġemgħa fit-toroq prinċipali tal-belt. 
Dan wara li Transport Malta rranġat il-junction ta’ fejn ir-roundabout li tagħti għal Ħal Luqa, b’konsegwenza li t-traffiku kien qed jeħel minn kull direzzjoni.
Minbarra t-tħaffir taħt l-art minn fejn se jgħaddi l-ilma tax-xita, ix-xogħlijiet fil-wied ta’ Ħal Qormi kienu jikkonsistu f’titjieb fil-gandotti, il-bini mill-ġdid tal-pontijiet tul il-wied kollu kif ukoll immaniġġjar aħjar tat-traffiku.
Il-kanal bejn Ħal Qormi u l-Marsa jesa’ sa 118 metru kubu ta’ ilma fis-sekonda.
Bħala parti mill-proġett, se jinbnew żewġ ġibjuni biex jaħżnu l-ilma tax-xita. 
Il-ġibjun tal-Gżira se jesa’ 10,000 metru kubu ta’ ilma xita waqt li dak ta’ Ta’ Xbiex se jesa’ 300,000 metru kubu.