Awdjo: “Il-priorità tal-Gvern hi l-prezz tal-gass” – Prim Ministru

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li issa li l-Gvern wasal għal ftehim dwar il-prezz tal-petrol u d-diesel sal-aħħar tas-sena, liema prezz raħas, il-priorità li jmiss hija li jkun hemm ftehim simili fuq il-gass, filwaqt li tenna li l-Gvern qed jaħdem qatiegħ sabiex tkun salvata l-Enemalta.

F’kollegament telefoniku fuq l-istazzjon tar-radju One, Dr Joseph Muscat sostna li l-Air Malta għadha f’idejn dawk in-nies li l-Gvern preċedenti qabbad u ħallas biex imexxu l-pjan miftiehem mal-Unjoni Ewropea. Dr Muscat sostna li l-bidla fil-Gvern m’affettwat xejn. Hu qal li meta l-kuntratti tagħhom jispiċċaw, l-istess nies ikollhom iġorru r-responsabbilita’ kemm fit-tajjeb, kif ukoll fil-ħazin.

Il-Prim Ministru spjega kif iż-żjara fl-Istati Uniti hija parti mill-istrateġija tal-Gvern li jkun hemm separazzjoni bejn  affarijiet li huma Ewropej u affarijiet li huma barranin. Il-Prim Ministru spjega kif id-diskussjoni żvolġiet l-aktar fuq l-istabilità, xi ħaġa li tolqot lil Malta, filwaqt li mal-Libja, id-diskussjoni ffukat l-aktar fuq il-ftehim milħuq dwar ix-xiri taż-żejt.