Awdjo: “Il-poplu Ċiprijott għadu ma rrealizzax bil-gravità tas-sitwazzjoni”

Fuq fomm kulħadd fl-Ewropa tissemma’ l-kriżi finanzjajra f’Ċipru. L-aktar affetwati se jkunu dawk li għandhom ‘l fuq minn €100 elf fil-bank. Iżda xi jfisser dan kollu għal persuni normali f’Ċipru?

Newsbook tkellem ma’ Nadya Papagiorcopulo, studenta li bħalissa tinsab Ċipru. Qalet li minkejja dak li jissemma’ fil-midja, in-nies donnhom għadhom ma rrealizzawx x’ġara.

Semmiet fost l-oħrajn li huma evidenti ħafna il-kjus twal jistennew quddiem l-ATMs biex jagħmlu transazzjoni tal-flus tagħhom. Saħansitra kien hemm min telaq mix-xogħol biex ikun jista’ jsib ħin jiġbed flusu mill-bank.

Il-banek li jinsabu magħluqin kienu mistennija jiftħu nhar il-Ħamis. Iżda skont kif tkellimna ma’ Costas Apostolides, lecturer Ċiprijott, jidher li l-banek se jġebbdu sa nhar it-Tlieta.

Intant il-Ministri tal-Finanzi taż-żona Ewro qablu fuq pakkett ta’ €10 biljuni bħala għajnuna finanzjarja lil Ċipru, biex ma tfallix is-sistema bankarja tal-pajjiż u biex Ċipru jibqa’ fiż-żona Ewro.

Dan se jaffettwa l-aktar lill-akbar żewġ banek f’Ċipru. Kull min għandu aktar minn €100 elf f’dawn il-banek se jara tnaqqis sostanzjali tal-flus tiegħu. Madankollu, din l-għajnuna finanzjarja tassigura li kull min għandu inqas minn dan l-ammont fi tfaddil ma’ dawn il-banek, ma jkunx affetwat.